Sunday, December 22, 2024

‘Flimkien Nieqfu. Flimkien Infiqu.’ – 16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg flimkien mal-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-tfal Michael Falzon u Dr Lydia Abela, nedew il-kampanja nazzjonali bit-tema ‘Flimkien Nieqfu. Flimkien Infiqu.’ għas-16-il Jum ta’ Attiviżmu kontra l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika.

F’dawn is-16-il jum ta’ attiviżmu se tingħata spinta l-kampanja ta’ għarfien kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika fuq livell internazzjonali. Din il-kampanja tibda mill-25 ta’ Novembru, il-Jum Internazzjonali kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa, u tibqa’ għaddejja sal-10 ta’ Diċembru, il-jum li jfakkar id-Drittijiet tal-Bniedem.

Is-Segretarjat Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi u l-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika fasslu kampanja b’numru ta’ attivitajiet u inizjattivi sabiex jitqajjem għarfien dwar il-kumplessità tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika, l-importanza tal-kunsens u għarfien dwar is-servizzi professjonali li jassistu f’każijiet relatati mal-vjolenza domestika.

Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qalet li l-kampanja ta’ din is-sena, li ser tmur anke b’rappreżentazzjoni drammatiċi f’diversi lokalitajiet, qiegħda twassal messaġġ ċar li lkoll kemm aħna rridu nagħtu l-kontribut tagħna biex infejqu din il-pjaga soċjali, għalhekk it-tema ‘Flimkien Nieqfu. Flimkien Infiqu’.

“Kull wieħed u waħda minna, ma nistgħux inkunu insensittivi u indifferenti quddiem it-tbatija fiżika u emozzjonali tal-vittmi tal-vjolenza domestika li jistgħu jkunu nisa, irġiel, tfal u anzjani,” qalet is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg.

Il-Ministru Michael Falzon stqarr, “Minn Jannar ta’ din is-sena sa nofs Novembru, il-MARAM ħadmet m’aktar minn 530 każ, każijiet li l-maġġoranza tagħhom kienu vittmi nisa, bi 15 minn dawk il-każijiet kienu riferuti lejn il-Pulizija sabiex tieħu azzjoni fl-immedjat minħabba s-severità tagħhom. Il-maġġoranza tal-każijiet kienu konsegwenza ta’ vjolenza intima waqt relazzjoni.”

Min-naħa tagħha, Dr Lydia Abela sostniet li l-messaġġ ‘Flimkien Nieqfu. Flimkien Infiqu.’ huwa messaġġ sod biex inkomplu negħlbu u nikkumbattu s-silenzju. Kompliet li għalkemm matul dawn il-jiem il-messaġġ fuq il-vjolenza domestika u dik abbażi tal-ġeneru jitwassal b’aktar qawwa, il-messaġġ irid ikompli jitwassal matul is-sena kollha b’kampanji fejn il-ġenerazzjonijiet tal-lum u t’għada jagħrfu li l-vjolenza domestika niqfulha flimkien.

Dr Abela stqarret li l-edukazzjoni tibqa’ ċ-ċavetta tant importanti biex nagħmlu l-qabża li jmiss f’dan is-suġġett. Kompliet tgħid li diġà twettqu ħafna bidliet u se jkomplu jitwettqu aktar, iżda l-ikbar bidla trid tkun fil-mentalità.

“Din hi kampanja nazzjonali fejn qed inwasslu messaġġ wieħed u importanti – Flimkien, magħqudin u b’vuċi waħda kontra l-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru. Irridu li din ir-realtà niqfulha flimkien, biex flimkien infiqu. Kulħadd ħaqqu r-rispett u l-imħabba f’ħajtu,” temmet tgħid Dr Lydia Abela.

Il-Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika Samantha Pace Gasan spjegat kif din il-kampanja hija mnebbħa mit-tielet Strateġija Nazzjonali dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika li ġiet varata s-sena l-oħra. Kompliet tgħid li 60% tal-miżuri u azzjonijiet elenkati f’din l-istrateġija diġà bdew jitwettqu.

Il-programm tal-kampanja jinkludi fost oħrajn roadshows bi produzzjonijiet teatrali li ser isiru f’ħames lokalitajiet dwar diversi forom ta’ vjolenza domestika li jistgħu jesperjenzaw faxex differenti tas-soċjetà u kif dawn is-sitwazzjonijiet għandhom jiġu indirizzati.

Il-pubbliku huwa mistieden jattendi bla ħlas għal dawn ir-roadshows illi jibdew fis-7.00 p.m., li ser isiru kif ġej:

Fir-Rabat, fis-27 ta’ Novembru, f’Palazzo Xara: Każin tal-Banda – L’Isle Adam.

F’San Pawl il-Baħar, fid-29 ta’ Novembru, fl-Iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar.

Fil-Gżira, fl-4 ta’ Diċembru, fis-Sala Parrokkjali.

Fil-Fgura, fis-7 ta’ Diċembru, fis-Sala tal-Kunsill Lokali.

Fir-Rabat Għawdex, fl-10 ta’ Diċembru, fis-Sala numru 2 taċ-Ċittadella.

Ekonomija

Sport