Wednesday, December 25, 2024

“Flimkien nistgħu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-anzjani u l-impjegati li jaħdmu f’dan is-settur”

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-GWU f’laqgħa mal-Ministru Jo Etienne Abela 

“Nemmnu li flimkien nistgħu ntejbu kemm il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani kif ukoll tal-impjegati li jaħdmu fis-settur.” Stqarr dan is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU) Josef Bugeja f’laqgħa li l-amministrazzjoni ċentrali tal-union kellha llum mal-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela fil-Workers’ Memorial Building.

Preżenti għal din il-laqgħa f’isem il-GWU kien hemm ukoll id-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Camilleri, il-President Victor Carachi, is-Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi Kendrick Bondin u s-Segretarju tal-Għaqda Pensjonanti Tony Zarb. 

Fil-kummenti tiegħu ta’ introduzzjoni, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja spjega kif wara kull elezzjoni, il-GWU tiltaqa’ mal-Ministri u Segretarji Parlamentari biex jagħtuhom rendikont tal-ħidma li tkun qiegħda tagħmel l-union fl-oqsma li jmissu ma’ kull dekasteru. 

Qal li t-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi taħdem mill-qrib mal-Ministeru tal-Anzjanità Attiva filwaqt li l-Għaqda Pensjonanti tal-GWU għandha l-għan li tressaq ‘il quddiem l-aġendi u l-kwistjonijiet kollha li jkollhom l-anzjani biex tassew ikollhom dinjità fil-ħajja tagħhom.

Filwaqt li rrikonoxxa li għad hemm kwistjonijiet f’dan is-settur li jridu jiġu indirizzati, Bugeja stqarr li jemmen li kull kwistjoni għandha tkun ta’ opportunità biex naħdmu flimkien, negħlbu l-ostaklu u ntejbu l-kwalità tal-ħajja kemm tal-ħaddiem kif ukoll tal-pensjonant. 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Jo Etienne Abela filwaqt li rringrazzja lill-GWU ta’ din il-laqgħa, saħaq li waħda mill-ewwel affarijiet li xtaq jagħmel wara li nħatar Ministru, kienet proprju dik li jiltaqa’ mal-unions. 

Il-Ministru Abela sostna li fis-settur li kien jaħdem fih dejjem ħadem ma’ kulħadd u esprima x-xewqa li jkun hemm relazzjonijiet mill-aħjar bejn iż-żewġ naħat b’risq il-ħaddiema u l-anzjani kollha. 

Ekonomija

Sport