Valletta ………0
Floriana ………2
Floriana rebħu l-partita kruċjali kontra r-rivali eterni Valletta bl-iskor ta’ 2-0 biex filwaqt li għamlu pass ieħor lejn ir-rebħ tat-titlu, xeħtu lill-Beltin f’periklu kbir li teżisti possibbiltá kbira li jitilfu posthom fl-ogħla diviżjoni għall-ewwel darba fl-istorja glorjuża tagħhom.
Kienet rebħa meritata għall-Greens li ddettaw il-logħob għall-ħinijiet twal u li b’aktar attenzjoni l-iskor seta’ kien ferm akbar … għalkemm wieħed irid jgħid ukoll li l-Beltin kellhom il-waqtiet pożittivi tagħhom iżda qatt ma kienu inċiżivi.
Floriana kienu territorjalment aħjar iżda l-ewwel azzjoni denja ta’ nota waslet fis-26 minuta Dunstan Vella kellu xutt salvat bi bravura mill-goalkeeper, Alessandro Guarnone.
Żewġ minuti wara Kemar Reid dar tajjeb mal-goalkeeper avversarju iżda sab lil Juan Ramires Bolanos li salva l-ballun minn fuq il-linja fatali biex evinta goal ċert.
Peró din l-azzjoni kienet il-preludju tal-goal hekk kif fil-35 minuta, il-Furjaniżi fetħu l-iskor meta KEMAR REID seraq ballun lid-difiża Beltija, u b’intuwizzzjoni naturali xeħet il-ballun fir-rokna tax-xibka.
Fit-tieni taqsima, il-Greens komplew fejn ħallew qabel il-mistrieħ u reġgħu pressjoni fuq il-lasti avversarji.
Fid-59 minuta, Matias Nicolas Garcia, kellu tentattiv salvat minn Guarnone biex mir-rebound Matheus De Sousa kellu l-konklużjoni tiegħu tiġi devjata f’corner.
U bil-ħin għaddej, il-Furjaniżi bdew jikkontrollaw u jżidu l-isforzi.
U ma kienet l-ebda sorpriża li, fit-83 minuta, huma rduppjaw meta minn kontrattakk, JAKE GRECH għeleb in-nasba tal-offside u b’xutt tremend għeleb lil Guarnone fost id-delirju ta’ ferħ tal-partitarji numerużi Furjaniżi.
Dan il-goal ġab miegħu wkoll exodus qawwi tal-partitarji Beltin li bdew iħallu l-istadium fost id-diżappunt kbir li fil-jiem li ġejjin jistgħu jiġu relegati.