Saturday, December 21, 2024

Floriana jirreġistraw it-tielet rebħa nfila b’doppjetta ta’ Kemar Reid

Aqra wkoll

FLORIANA …………2

HIBERNIANS …….0

Floriana komplew juru biċ-ċar li se jkunu fost l-isfidanti ewlenin għar-rebħ tal-kampjonat meta għelbu lil Hibernians bl-iskor mi­nimu ta’ 2-0, biex filwaqt li għandhom punti massimi minn tliet partiti, ikkastigaw lill-Pawlisti għall-ewwel telfa tagħhom.

Kienet rebħa meritata għall-Greens, għalkemm wie­ħed ma jridx ineħħi xejn mill-mertu ta’ Hibernians, li kellhom il-waqtiet pożittivi tagħhom fosthom fl-ewwel taqsima, fejn kienu sfortunati hekk kif laqtu l-wieqfa.

Kien biss fil-21 minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota, meta xutt fil-baxx mid-distanza tal-eks Paw­list, Dunstan Vella, ġie salvat mingħajr wisq diffikultá mill-goalkeeper Ibrahim Ko­ne

Huma komplew jippressaw u fit-38 minuta fetħu l-iskor meta KEMAR REID sab l-ispazju, ġera bil-ballun, u kellu x-xutt verament sabiħ tiegħu mid-distanza jintemm fir-rokna tax-xibka.

Fit-42 minuta, il-Greens resqu viċin meta Valadzko għadda lejn Matheus De Sousa li kważi minn fuq il-penalty spot tefa’ għoli.

Hibernians wieġbu żewġ minuti wara meta wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner, Ferdinando Apap ra d-daqqa ta’ ras tiegħu taħbat ma’ sieq il-wieqfa bil-goalkeeper Kitanov megħlub għal kollox … bil-Greens je­ħilsuha ħafif. 

Fit-tieni taqsima, il-partita kompliet tkun waħda ferm tattika u kkaratterizzata minn ħafna logħob f’nofs il-ground, fejn kien biss fit-78 minuta li ġiet innutata l-ewwel azzjoni meta minn cross ta’ Adam Magri Overend, Kyrian Nwoko wera nuqqas ta’ attenzjoni u ma laħaqx il-ballun, bid-difiża Pawlista tikklerja l-ballun ‘il bogħod minn kull periklu.

Huma komplew jippressaw u fil-81 minuta, b’Hibernians żbilanċjati għall-aħħar fid-difiża, Floriana kienu għoddhom irduppjaw meta Dunstan Vella avvanza taj­jeb iżda ra lil Kone jdawwar f’corner.

Il-Greens komplew fuq l-offensiva u żewġ minuti biss wara, Kyrian Nwoko, kellu x-xutt tiegħu mid-distanza jintemm għoli.

Peró, fis-87 minuta, huma ssiġillaw ir-rebħa  meta KEMAR REID evita player avversarju f’tarf il-kaxxa, ikkontrolla l-ballun b’siequ x-xellugija u b’dik leminija mmira lejn ir-rokna tax-xibka biex irreġistra doppjetta personali.

FLORIANA: 33-Georgi Kitanov, 4-Oualid El Hasni, 8-Jose Ulise Arias, 9-Kemar Reid, 10-Jan Busuttil (2-Adam Magri Overend 56), 11-Matheus de Sousa (22-Kyrian Nwoko 75), 12-Dunstan Vella (24-Lorenzo de Grazia 89), 20-Matias Nicolas Garcia, 21-Carlo Zammit Lonatrdelli, 42-Maksim Valadzko, 55-Alexandros Kouros   – Coach: German Camoranesi

HIBERNIANS: 24-Ibrahim Kone, 3-Ferdinando Apap, 5-Kurt Shaw, 8-Robert Bairam (7-Ayrton Attard 74), 9-Armen Hovahnnisyan, 10-Jurgen Degabriele (15-Edorado Herrera 92), 11-Bjorn Kristensen, 13-Zachary Grech (99-Guedes Henrique 79), 16-Samuel Okoh (21-Alex Silva 46), 29-Giannis Bastianos, 77-Rodney Antwi   – Coach: Branko Nisevic

REFEREE: Slobodan Petrovic

ASS. REFEREES: Alan Camilleri, Vasil Vasilev

RABA’ UFF: Ishamel Barbara

SKORER: K. Reid 38, 87 (F)

AMMONITI: K. Reid, M. N. Garcia (F), F. Apap, R. Bairam, B. Kristensen, Z. Grech, G. Bastianos, A. Attard, A. Silva (H)

PLAYER TAL-LOGĦBA: Kemar Reid (Floriana)

Ekonomija

Sport