Wednesday, October 9, 2024

UNL tan-Nisa: Doppjetta ta’ Haley Bugeja tagħti rebħa mistħoqqa lill-Maltin

Aqra wkoll

Minn CRISTIAN MUSCAT

MALTA ……….2       

MOLDOVA …..0

Doppjetta ta’ Haley Bugeja għenet lil Malta tegħleb lil Moldova bl-iskor ta’ 2-0, fis-Centenary Stadium, biex it-team nazzjonali tagħna tela’ waħdu fil-quċċata  ta’ League C, Group C1, tal-UEFA Nations League tan-Nisa.

Dan minħabba li, kontra kull mistenni, il-Latvja għelbu lil Andorra bl-iskor ta 4-0, li qabel din it-tieni ġurnata kellhom tliet punti daqs il-Maltin. 

Mas-suffara inizjali, il-Maltin ħarġu fuq l-offensiva biex  ifittxu goal kmieni iżda minkejja li kienu aħjar mill-aversarji, ġew ostakolati mill-kundizzjonijiet tat-temp, jiġifieri mir-riħ u mix-xita, li għamluha diffiċli għall-players tagħna. 

Peró, mal-ħin il-Moldovani bdew jissetiljaw u filwaqt li bdew jantiċipaw lill-players tagħna rari heddew il-lasti. 

Kmieni fit-tieni taqsima, il-Maltin skorjaw żewġ goals biex l-avversarji dehru diżorjentanti għall-aħħar u bil-players tagħna jiddettaw il-logħob b’mod mill-aktar intelliġenti. 

L-ewwel azzjoni tal-Maltin waslet wara biss tliet minuti li ntemmet b’xutt ta’ Haley Bugeja minn barra l-kaxxa iżda kienet senjalata f’pożizzjoni ta’ offside. 

Ir-reazzjoni tal-Moldovani kienet waħda mmedjata immma l-goalkeeper, Janice Xuereb, kienet attenta mix-xutt angolat ta’ Claudia Chiper. 

Fit-32 minuta, il-Maltin kellhom l-aħjar ċans meta minn 35 metru, Nicole Sciberras ippruvat taħsad lill-goalkeeper, De­nisa Bojenco, bit-tentattiv tagħha jgħaddi ftit ċentimetri fuq il-mimduda. 

Fit-42, fl-uniku żball tal-Maltin, Carolina Tabur kienet se tapprofitta iżda d-difiża Maltija kienet pronta tixħet f’corner. U mill-istess corner, Xuereb salvat id-daqqa ta’ ras ta’ Nadejda Colesnicenco.  

Fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima, Bugeja setgħet għamlet aħjar meta minn azzjoni ta’ free-kick il-ballun waqa’ f’sa­qajha iżda minn pożizzjoni ideali rat lill-goalkeeper, Denisa Bojenco, tilqa’ t-tenattiv tagħha. 

Appena għaddiet minuta mill-ftuħ tat-tieni taqsima, il-Maltin fetħu l-iskor meta s-solita HALEY BUGEJA kkonkludiet mill-pass ta’ Brenda Borg. 

U fil-58 minuta, l-istess HALEY BUGEJA rduppjat meta approfittat minn żball fid-difiża avversarja biex daħlet bħal vleġġa u sammret il-ballun fix-xibka.  

Kien goal li qatel kull tama lill-Moldovani li prattikament qatt ma dehru fil-partita filwaqt li l-goalkeeper tagħna qatt ma ġiet impenjata. 

Malta: 1-Janice Xuereb, 3-Ann-Marie Said, 4-Emma Lipman, 5-Stefania Farrugia, 7-Ylenia Carabott (9-Leah Alice Ayres 76), 8-Rachel Cuschieri, 15-Ashley Sultana (11-Maya Lucia 59), 17-Brenda Borg, 18-Emma Xuereb, 20-Nicole Sciberras (14-Shona Zammit 79), 21-Haley Bugeja – Coach: Manuela Tessa 

Moldova: 23-Denisa Bojenco, 2-Cristina Cerescu, 4-Valeria Virlan (9-Daniela Mardari 62), 10-Carolina Tabur, 11-Claudia Chiper (22-Iuliana Colnic 63), 15-Felicia Gutu, 16-Madalina Badiceanu, 17-Nadejda Colesnicenco (5-Eugenia Railean 84), 18-Anastasia Cernitu (20-Anastasia Toma 46), 19-Anastasia Sivolobova, 21-Irina Topal (7-Carina Doiban 19) – Coach: Nicolae Bunea  

Referee: Michaela Pachtova (Repubblika Ċeka) 

Assistenti: Lucie Ratajova, Tereza Holakovska (Rep. Ċeka)

Raba Uff.: Lucie Sulcova (Rep Ċeka)

Skorer: H. Bugeja 46, 58 (Mal)

Ammoniti: E. Xuereb, B. Borg (Mal); A. Cernitu, M. Badiceanu, A. Sivolobova (Mol)

Sport