Sunday, December 22, 2024

Flotta ġdida ta’ muturi għat-taqsima tal-Pulizija tat-Traffiku

Aqra wkoll

Il-Pulizija mit-taqsima tat-traffiku se jibdew jagħmlu użu minn flotta ta’ 24 mutur ġdid b’investiment ta’ €600,000. L-inawgurazzjoni ta’ dawn il-muturi saret mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri u l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà.

Intqal li kien essenzjali li jkompli jsir it-tiġdid f’din it-taqsima li ta’ kuljum tagħmel rondi fit-toroq kif ukoll tassisti fl-immaniġġjar tat-traffiku u inċidenti u emerġenzi fit-toroq. Flimkien ma’ din il-flotta ġiet inawgurata wkoll flotta oħra ta’ 22 scooter li se tintuża mis-Central Delivery Office sabiex permezz tagħha jitqassmu r-riferti tal-Qrati madwar Malta u Għawdex, fost xogħol ieħor. 

Il-Ministru Byron Camilleri qal li dan l-investiment qed ikompli jkun xhieda ta’ kemm il-Gvern qed jinvesti fil-Korp tal-Pulizija u li eventwalment minn dan l-investiment jibbenefikaw il-komunitajiet tagħna għax tkun qed tissaħħaħ is-sigurtà tagħhom.

“B’investiment ta’ €600,000 fit-taqsima tat-traffiku tal-Korp tal-Pulizija, inxtraw 24 mutur ġdid mibnija proprju sabiex iservu ta’ muturi tal-Korp tal-Pulizija. Bħal dawn il-muturi nxtraw ukoll għal Korpi oħrajn madwar l-Ewropa. Dawn il-muturi huma mogħnija b’diversi safety features, u b’dan il-mod il-ħaddiema fil-Korp tal-Pulizija jkunu jistgħu jgħaqqdu bl-aħjar mod id-dover u l-irwol tagħhom fil-komunitajiet tagħna. Qed nibqgħu ninvestu fit-taqsima tat-traffiku anke bil-għan li fix-xhur li ġejjin nimplimentaw il-miżura tal-budget ta’ Roads Policing, li hi xi ħaġa ġdida, b’aktar teknoloġija fil-Korp tal-Pulizija,” temm jgħid il-Ministru Camilleri.

Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qal li għall-uffiċjali ta’ din is-sezzjoni, il-mutur huwa l-uffiċċju tagħhom. Semma kif dan l-investiment huwa wkoll parti mill-ħidma li jkomplu jtejbu l-ambjent tax-xogħol tal-ħaddiema. 

L-Ispettur Nicholas Vella, mit-taqsima tat-traffiku, qal li dan l-investiment qed ikompli jsaħħaħ lill-istess taqsima sabiex tiżdied is-sigurtà fit-toroq Maltin u Għawdxin.

Ekonomija

Sport