Erġajna ksibna riżultat ieħor negattiv għall-aħħar għal pajjiżna fil-festival tal-kanzunetta Ewropea, meta Malta, lanqas biss irnexxielha tikkwalifika għall-finali ta’ nhar is-Sibt. Ir-riżultat diżastruż li għal darba oħra erġajna ksibna nhar it-Tlieta ma kienx l-uniku għax issa pajjiżna ilu snin konsekuttivi ma jkun fost il-finalisti tal-Eurovision Song Contest.
Wara din ir-riflessjoni tagħna nistennew li se jkun hemm min jikkritikana, l-iktar dawk li jemmnu li l-parteċipazzjoni Maltija f’festivals rinomati ta’ din ix-xorta joffru vetrina għat-talent lokali. Dan jista’ jkun kollu minnu imma rridu naraw ukoll jekk l-ispiża li ssir hijiex ġustifikabbli.
Apparti dan kollu, fin-nofs hemm ukoll isem pajjiżna. Ma jistax ikun aktar li nkomplu nħallu sitwazzjonijiet fejn pajjiżna lanqas biss jinġabar f’dawk li huma voti tal-pubbliku Ewropew. U jekk is-sistema ta’ kif jingħataw u jitqassmu l-voti tibqa’ kif inhi, jiġifieri t-televoting, allura pajjiżna se jibqa’ jkun destinat li ma jikkwalifikax lanqas jekk ikollu l-aħjar wirja u l-isbaħ kanzunetta tal-festival.
B’riżultati ta’ din ix-xorta, illum iktar minn qatt qabel, sirna nemmnu li huwa diffiċli ħafna li nikkompetu mal-barranin u niksbu r-riżultati.
B’dan li qed ngħidu ma rridux ninftehmu li qed niddisprezzaw lit-talent lokali, jew li qed nitfgħu xi tort fuq il-kantanti Maltin. Xejn minn dan anzi nirrikonoxxu l-isforzi li dawn jagħmlu u nistqarru li aħna kburin bihom u ninkoraġġuhom, imma l-punt hu li aħna rridu nagħrfu l-limitazzjonijiet tagħna.
Niftakru dwar meta kien hemm żmien fejn kien jingħad li Malta ma tista’ tirbaħ qatt sakemm il-kantanti jibqgħu jkantaw bil-Malti. U hawnhekk nistaqsu, għaliex hija xi ħaġa li għadna ma nistgħux nifhmu, kif kantanti oħra jirbħu anki meta jkantaw bl-ilsien tagħhom stess.
Fl-aħħar mill-aħħar, l-ispiża biex Malta tieħu sehem fil-Eurovision Song Contest tlaħħaq il-mijiet ta’ eluf ta’ ewro ta’ kull darba u sakemm nibqgħu ma nirbħux, dawn il-flus kollha, irridu jew ma rridux, ikunu qed jinħlew biex ma ngħidux jintremew.
Għalhekk jekk irridu nibqgħu nipparteċipaw u nittamaw li jkollna suċċess f’festivals bħal dawn, hemm bżonn li mhux biss ninvestu aktar fit-talent lokali imma wkoll naħdmu biex niġbdu aktar appoġġ lejn pajjiżna minn pajjiżi oħra li jkunu qed jieħdu sehem ukoll f’dan il-festival.