Wednesday, May 14, 2025

‘F’Malta inħossni komdu ħafna u bħal meta int tkun id-dar, iktar tħossok għal qalbek tagħmel il-wirja tiegħek’ – Gigi D’Alessio

Aqra wkoll

Gigi D’Alessio, b’isem veru Luigi D’Alessio, huwa kantant u kantawtur Taljan magħruf għall-istil tiegħu ta’ mużika pop u neomelodika. Huwa twieled fit-24 ta’ Frar 1967 f’Napli, l-Italja.

D’Alessio beda l-karriera mużikali tiegħu ta’ età żgħira, u kiseb diploma fil-pjanu mill-Konservatorju ta’ San Pietro a Maella f’Napli. Fl-1992, ħareġ l-ewwel album tiegħu “Lasciatemi cantare”, u matul is-snin 90, kiseb popolarità fl-Italja bil-ħruġ ta’ diversi albums bħal “Passo dopo passo” u “Fuori dalla mischia”. Fl-2000 u l-2001, ħa sehem fil-Festival ta’ Sanremo, li għenu jespandi l-fama tiegħu lil hinn minn Napli.

Matul il-karriera tiegħu, Gigi D’Alessio biegħ aktar minn 30 miljun diska. Huwa magħruf ukoll għall-kollaborazzjonijiet tiegħu ma’ artisti internazzjonali bħal Lara Fabian fil-kanzunetta “Un cuore Malato” u ma’ Wanessa Camargo fil-verżjoni Portugiża “Um coração apaixonado”. Fl-2010, ippreżenta l-programm televiżiv tiegħu stess “Gigi questo sono io” fuq Rai Uno.

Gigi D’Alessio kien miżżewweġ lil Carmela Barbato, u flimkien kellhom tlett itfal: Claudio, Ilaria u Luca. Wara d-divorzju tagħhom fl-2006, beda relazzjoni mal-kantanta Anna Tatangelo, li magħha għandu iben jismu Andrea, imwieled fl-2010. Fl-2021, ġie mħabbar li kien f’relazzjoni ma’ Denise Esposito, u kienu qed jistennew wild flimkien.

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, D’Alessio kien f’Malta sabiex jieħu sehem f’Għaxaq Music Festival bl-isem ta’ ‘Summer Lust’, fejn flimkien ma’ kantanti oħra esebixxa t-talenti mużikali tiegħu bil-folla ferm numeruża preżenti li kantat għal diversi diski minn tiegħu fosthom Quanti amori , Made in Italy, Questo sono io, Chiaro, Ora, Malaterra, Noi due, Buongiorno, Fra u Como Suena El Corazon.

Dan is-sit ħa l-kummenti esklusiivi ta’ Gigi D’Alessio nnifsu eżatt mal-wasla tiegħu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Hu beda l-kummenti tiegħu hekk:

“L-ewwel ħaġa dejjem hi xi ħaġa speċjali li nkun hawn. Ġejt f’Malta għal diversi drabi u dejjem inħossni qisni d-dar. Il-pubbliku hu fantastiku u l-kunċerti jqanqlu fija emozzjonijiet kbar. Kważi kważi ngħid li jkolli l-friefet fl-istonku għax dejjem irrid nara li nagħti l-mija fil-mija tiegħi kull meta noħroġ fuq dak il-palk. Nerġa’ ngħid, il-pubbliku Malti nista’ nlaqqmu bħala meraviljuż. In-nies jafu l-istil tiegħi u dejjem jafu x’se jistennew minni.”

Saqsejna lil Gigi D’Alessio dwar kif ra l-mużika Taljana tinbidel maż-żmien.

“Il-mużika Taljana bħal dik ta’ madwar id-dinja għaddejja minn evoluzzjoni kbira. Illum bil-miġja ta’ siti soċjali u pjattaformi oħra, il-mużika saret wisq globalizzata u għalhekk xi pajjiżi jieħdu l-istil ta’ ħaddieħor. Qegħdin naraw fejn it-Taljani qed jieħdu ideat mill-Amerikani u mhux biss. Għalhekk narah bħala ċirku vizzjuż bil-mużika li wieħed jista’ jaraha sew fil-kumdita’ ta’ daru.”

“Fil-passat meta fi żmieni kont għadni żagħżugħ u kont noħroġ xi diska, ħadd ma kien jaf biha sakemm ma jdoqquhiex fuq ir-radju. Madankollu rrid ngħid li llum il-ġurnata, l-artisti għandhom aktar opportunitajiet.”

Gigi D’Alessio, li llum il-ġurnata għandu 58 sena, faħħar sew lill-kantanti Maltin u fost l-oħrajn semma’ lil Joseph Calleja u Ira Losco li kellu ċ-ċans ikanta magħhom riċentement meta ġie f’Malta. 

Hu ammetta li meta l-produtturi u l-organizzaturi Maltin iċemplulu ma jaħsibhiex darbtejn biex jaċċetta.

D’Alessio qalilna li l-mużika għalih hi kollox u tgħinek sabiex min hu xi ftit magħluq fih innifsu, irabbi aktar kunfidenza. Għalhekk il-mużika tfisser ukoll pożittivita’ u ħafna ħajja.

Hu jerġa’ jitkellem dwar Malta.

“Għalija Malta hi dik li l-Ingliżi jsejħulha ‘comfort zone’. Tista’ tgħid li hawnhekk inħossni komdu ħafna u bħal meta int tkun id-dar, iktar tħossok għal qalbek tagħmel il-wirja tiegħek.”

“Nispera wkoll li jkolli ċans niġi s’hawn għall-vaganzi tiegħi. Jogħġobni wisq il-baħar hawnhekk, il-bajjiet huma pittoreski u għalija hi tmien meravilja tad-dinja. Wara kollox, biex tasal f’Malta hemm biss siegħa ajruplan mill-Italja u għalhekk xejn m’hu daqshekk diffiċli.”

Bħalissa Gigi D’Alessio qed iservi bħala ġurat fil-programm televiżiv The Voice Kids flimkien ma’ Arisa, Clementino, u Loredana Bertè. Huwa wkoll qed jippjana kunċert kbir fl-Istadju Diego Armando Maradona f’Napli biex jiċċelebra l-karriera tiegħu. Hu jgħid li jixtieq ħafna li dan il-kunċert jirnexxielu għax jaf li n-Naplitani huma tant mimlija passjoni għall-mużika.

Tkellem ukoll dwar il-familja tiegħu.

“It-tfal il-kbar tiegħi għamluni nannu ta’ erba’ neputijiet. Ilaria tgħix Ruma mat-tarbija u l-partner tagħha. Imbagħad hemm Claudio, li għamel bħal ma għamilt jien – illum bintu għandha 18-il sena. Sirt nannu meta kelli 39 sena. Għandu wkoll żewġt ibniet żgħar ta’ tliet snin u sentejn, Sofia u Giselle,” irrakkonta hu.

Saqsejna lil Gigi D’Alessio dwar kif jarah minn hawn u għaxar snin oħra.

“Jien ma tantx noqgħod inħares lejn futur fil-bogħod. Għalija l-futur huwa issa li qiegħed Malta u li fi ftit tas-sigħat oħra se nagħti kunċert. Jgħaddi dan kollu u naħseb fuq li jmiss.”

U finalment, liema hi dik il-kanzunetta li Gigi D’Alessio għadu jrid jikteb?

“Min jista’ jgħid? Forsi diġà tinsab f’din id-diska, min jaf. L-unika ħaġa li nista’ ngħid hi li bħala mużiċist, għadni qed nikber u nemmen li għad għandi ħafna xi ngħid. Ma nafx jekk dak li għadni se noħloq hux se jkun aħjar jew agħar minn dak li diġà għamilt – dan għandu jiġi deċiż minn ħaddieħor, minn min isegwi d-diski tiegħi. Jiena nittama biss li l-ġudizzju tagħhom ikun wieħed ġust u b’intenzjonijiet tajbin.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport