Wednesday, July 24, 2024

F’Marzu għaddew mill-MIA aktar minn 600,000 passiġġier

Aqra wkoll

Għall-ewwel darba matul ix-xahar ta’ Marzu, il-moviment tal-passiġġiera fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qabeż is-600,000 persuna, biex sal-aħħar tax-xahar, it-tim tal-ajruport laqa’ 633,826 passiġġier. Hekk kif Marzu rreġistra tkabbir ta’ 30.1 fil-mija fuq l-istess xahar tal-2023, l-ajruport għalaq l-ewwel kwart tal-2024 b’total ta’ 1,573,712-il passiġġier.

Il-volum tal-passiġġiera żdied sostanzjalment lejn l-aħħar tax-xahar, b’27,250 passiġġier jgħaddu mill-ajruport nhar il-Ħamis 28 ta’ Marzu. Apparti l-btajjel tal-Għid, nhar Ħamis ix-Xirka ħabat ukoll fl-istess jum li fih reġa’ beda l-operat tal-Cruise and Fly, offrut minn P&O Cruises, liema operat jestendi sa Ottubru.

Dawn ir-riżultati pożittivi nkisbu fl-istess perjodu li matulu l-ajruport esperjenza żieda ta’ 24.6 fil-mija fil-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet minn u lejn Malta, meta kkumparat mal-2023, u seat load factor b’saħħtu ta’ 87.2 fil-mija; l-ogħla load factor li qatt ġie rreġistrat f’Marzu. Il-moviment tal-ajruplani wkoll żdied b’20.5 fil-mija fuq l-istess xahar tas-sena li għaddiet, b’total ta’ 4,031 titjira jaslu u jitilqu mill-ajruport matul ix-xahar ta’ Marzu.

L-aktar swieq importanti għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta f’Marzu baqgħu l-Italja, ir-Renju Unit u l-Ġermanja, li flimkien kienu responsabbli għal 50% tat-total tat-traffiku li għadda mill-ajruport. Madanakollu, fost il-ħames l-aktar swieq importanti, il-Polonja rreġistrat l-aktar tkabbir b’saħħtu, meta t-traffiku minn u lejn din id-destinazzjoni żdied bi 80.6 fil-mija fuq Marzu tal-2023. Dan wassal biex il-Polonja tieħu post Franza bħala r-raba’ l-aktar suq importanti għall-ajruport.

Wara li serviet bħala l-linja nazzjonali tal-ajru għal dawn l-aħħar 50 sena, l-aħħar titjira tal-Air Malta niżlet fl-ajruport fis-sigħat bikrin tal-Ħadd 31 ta’ Marzu, biex fl-istess ġurnata, KM Malta Airlines inawgurat l-operat permezz tal-ewwel titjira tagħha. Filwaqt li nirringrazzjaw lill-Air Malta għall-kollaborazzjoni li permezz tagħha dejjem ħadmet mal-ajruport tagħna, u għas-servizzi li offriet lill-passiġġiera fl-aħħar nofs seklu, nixtiequ li nieħdu din l-opportunità biex nagħtu merħba lill-kumpanija KM Malta Airlines. Nawguraw ukoll lill-Universal Air li bdiet topera mill-ajruport tagħna fl-aħħar jiem ta’ Marzu.

Ekonomija

Sport