Monday, May 13, 2024

Żieda ta’ €100 miljun f’benefiċċji soċjali fuq perjodu ta’ sena

Aqra wkoll

Il-Gvern żied l-investiment soċjali b’€100 miljun fuq perjodu ta’ sena, li tagħmel din in-nefqa soċjali l-ikbar waħda minn sena għal oħra. Matul is-sena 2023, ġew imsaħħa wkoll diversi miżuri soċjali filwaqt li ġew implimentati oħrajn ġodda.

L-investiment massiċċ fuq il-pensjonijiet wassal ukoll għal din iż-żieda rekord,  hekk kif fl-aħħar 10 snin dawn żdiedu bit-tripplu ta’ kemm żdied in-numru ta’ pensjonanti.

Imqabbla man-nefqa soċjali, fl-2013, l-allokazzjoni rekord ta’ biljun u kważi ħames mitt miljun ewro fuq benefiċċji soċjali,  turi żieda ta’ 90%, qabża ta’ aktar minn €705 miljun. 

Dawn id-dettalji tħabbru mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet, b’reazzjoni għall-aħħar statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, li kkumparat in-nefqa soċjali tas-sena li għaddiet ma’ dik ta’ qabilha.

“Din hija xhieda ċara ta’ kemm dan il-Gvern dejjem kien, għadu u jibqa’ t-tarka tal-familji u l-pensjonanti kollha għaliex jifhem il-bżonnijiet tagħhom u r-realtajiet soċjali li kontinwament jistgħu jesponuhom għal xi tip ta’ vulnerabilità. Turija  ta’ impenn qawwi biex jissaħħaħ il-qafas soċjali, wara n-nixfa ta’ snin twal minn amministrazzjonijiet passati,” stqarr il-Ministru Michael Falzon  

Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Mark Musu qal li l-akbar żieda kienet f’dawk li huma benefiċċji kontributorji, imħallsa fuq id-dħul tal-persuna. Din hija bażikament skema ta’ assigurazzjoni li tipprovdi diversi  benefiċċji li jinkludu dawk marbuta mal-pensjonijiet, il-benefiċċju tal-qgħad u tas-sick leave.

Iż-żidiet lill-pensjonanti kollha u l-għajnuniet diretti lill-familji, iż-żidiet fil-benefiċċji taċ-children’s allowance, l-In-Work Benefit, il-Benefiċċju Addizzjonali tal-COLA  u l-Carers Grant, huma fost dawk l-aktar benefiċċji li wasslu għal din iż-żieda fl-investiment.

Sport