Friday, May 3, 2024

“It-trasport pubbliku llum aktar diċenti mis-servizz tal-Arriva li kien ħoloq kaos assolut”

- il-Ministru Chris Bonett

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Il-Maltin u l-Għawdxin huma l-aqwa xhieda ta’ kemm it-trasport pubbliku llum il-ġurnata huwa iktar diċenti mis-servizz tal-Arriva li suppost kien ġab fi tmiemhom il-bużulotti iżda li minflok kien ħoloq kaos assolut.”

Qal dan il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Chris Bonett meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ.

L-Onor. Attard Previ staqsiet lill-Ministru Bonett jistax jgħid huwiex lest li jwaqqaf il-karozzi kollha tal-Ministeru tiegħu u ta’ Trasport Malta biex minflok jużaw it-trasport pubbliku għal waqt il-qadi ta’ dmirijiethom, b’hekk ikun qed jingħata eżempju (li jkaxkar), u jitnaqqsu xi wħud mill-karozzi tal-Gvern mit-toroq u b’hekk jonqos ukoll it-traffiku.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Bonett beda biex fakkar li dan il-Gvern huwa wieħed mill-uniċi fl-Ewropa li qed jagħti t-trasport pubbliku b’xejn lil kulħadd – kemm il-karozzi tal-linja f’Malta u Għawdex kif ukoll il-ferries bejn il-Belt Valletta u l-Kottonera u tas-Sliema. L-istatistika turi li qed tiġi reġistrata żieda qawwija ta’ vjaġġi b’dawn il-mezzi li mingħajrhom kien ifisser biss l-użu ta’ iktar vetturi privati fit-toroq.

Huwa fakkar ukoll li f’Settembru li għadda twettaq investiment ta’ 20 miljun ewro biex illum għandna 30 karozza tal-linja ġdida li taħdem bl-elettriku, għalhekk bla dubju iktar effiċjenti.

“Dan bl-ebda mod ma jfisser li l-Gvern huwa kuntent bl-aspetti kollha tat-trasport pubbliku. Kif diġa ddikjarajt pubblikament, il-Ministeru se jkompli jaħdem mal-operatur privat fuq bidliet oħra li hemm bżonn, fosthom wara li nisimgħu aktar fuq tiġdid f’ċertu rotot,” żied jgħid il-Ministru Bonett.

“Lil hinn mill-partiġjaniżmu tal-Oppożizzjoni, il-Gvern qiegħed jinċentiva bil-fatti l-mixja lejn transport alternattiv mhux biss għal Ministeru wieħed jew entita waħda tiegħu, iżda għal poplu kollu. Li ntejjbu l-kwalita tal-arja, innaqqsu l-konġestjoni u nagħmlu l-parti tagħna fil-ġlieda dinjija kontra t-tibdil fil-klima huwa sforz konġunt li rridu nagħmlu kollha flimkien. Din hija t-triq ‘il quddiem.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport