Aktar minn 5.4 miljun passiġġier ivvjaġġaw bil-karozza tal-linja matul Marzu 2023, li jindika żieda fix-xahar ta’ 20% meta mqabbel ma’ Frar 2023. Meta mqabbel mal-istess xahar fl-2022 u l-2019, dan jissarraf għal żieda ta’ 50.3% u 18.2% rispettivament.
Matul Marzu 2023 ‘il fuq minn 4.5 miljun passiġġier użaw it-Tallinja Card tagħhom biex jivvjaġġaw. Dan ifisser żieda sinifikanti ta’ 20.0% meta mqabbel mat-3.8 miljuni rreġistrati fi Frar 2023. Meta mqabbel ma’ Marzu 2022, dan ifisser żieda ta’ 64.4%, filwaqt li meta mqabbel ma’ Marzu 2023 l-istess xahar fl-2019 dan jindika żieda ta’ 35.7%.
Konrad Pulé, il-Maniġer Ġenerali ta’ Malta Public Transport, ikkummenta dwar ix-xejra pożittiva, fejn stqarr li dawn iċ-ċifri ta’ kull xahar għal darb’oħra juru li aktar passiġġieri qed jagħżlu li jivvjaġġaw lejn id-destinazzjoni tagħhom b’tal-linja. Madankollu, irrikonoxxa wkoll li l-passiġġieri qed iqajmu tħassib dwar iż-żmien li tieħu biex tivvjaġġa bil-linja, u enfasizza l-ħtieġa li l-partijiet interessati jagħtu prijorità lill-passiġġieri tal-linja fit-triq.
Ir-reġistrazzjonijiet għat-Tallinja Card raw ukoll xejra pożittiva sostnuta, u fil-fatt żdiedu bi 11% matul Marzu 2023 meta mqabbla ma’ Frar 2023, u żieda sinifikanti ta’ 112% meta mqabbla mar-reġistrazzjonijiet li saru f’Marzu 2022.