Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?
Minn meta kont żgħira l-atletika kienet l-isport favorit tiegħi. L-iskola dejjem kont nieħu sehem f’tiġrijiet tal-100 metru, u bqajt niġri waħdi sakemm kelli xi 25 sena. Ta’ dik l-etá spiċċajt b’kundizzjoni ta’ ‘type 1 diabetic’ … u ħajti nbidlet mil-lejl għan-nhar. Fil-pandemija tal-Covid-19 kelli nagħlaq il-‘business’ tiegħi minħabba ‘lock down’ u għalhekk erġajt bdejt inħoss il-bżonn li nibda nagħmel xi ħaġa. Peró, fl-2023 iddeċidejt li nirreġistra għall-Maratona ta’ Malta ta’ Frar 2024. It-taħriġ bdejtu waħdi b’xi għajnuna ta’ persuni li kienu diġá jiġru u l-pariri tagħhom.
X’suċċessi maġġuri rnexxielek tikseb sa issa f’dan l-isport li tant tħobb?
L-ewwel Nofs Maratona li għamilt, għamiltha f’ħin ta’ sagħtejn u sitt minuti u kienet ġurnata ta’ maltemp kbir. Peró, il-ferħ li ħassejt meta spiċċajt kien wisq kbir u minn hemm ridt insir aħjar. Għalhekk dħalt ma’ Evolve Endurance Club u bdejt nagħmel taħriġ iktar serju. Irnexxieli wkoll nikseb trofej bħala l-ewwel fil-kategorija ta’ etá tiegħi.
Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?
Jien naħseb li l-livell huwa tajjeb ħafna. Hawn ħafna atleti li nammira bid-dedikazzjoni li għandhom.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Riżorsi nixtieq bħal kull min jagħmel dan it-taħriġ li jkollna iktar fejn niġru bla periklu. Ikollna trakka aħjar in-naħa ta’ fuq ta’ Malta pereżemplju bħal tal-Marsa Sports Club. It-tlielaq nagħmluhom fit-triq u mhux problema għalija għax kullimkien fil-pajjiżi l-oħrajn hekk tkun peró Malta nħoss li tinqala’ ħafna konfuzjoni meta jsiru dawn l-avvenimenti.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?
Jien nixtieq li nibqa’ niġri sakemm il-Mulej jagħtini s-saħħa li nibqa’ nagħmilha, u nħeġġeġ lil dawk kollha li jbatu minn xi kundizzjoni bħal tiegħi li ma jaqtgħu qalbhom qatt. Naf li mhux faċli għax jien inħoss li għandi sfidi ikbar imma f’moħħi ngħid li rrid niġġieled kontra din il-kundizzjoni li tant tista’ tagħmel kumplikazzjonijiet.