Monday, July 20, 2026
Home Sport ‘Niżżi ħajr lil Alla li wara tliet injuries kemmxejn serji, irnexxieli nasal...

‘Niżżi ħajr lil Alla li wara tliet injuries kemmxejn serji, irnexxieli nasal għal dan it-tragward, u ngawdi iktar emozzjonijiet u memorji li toffri l-logħba tal-futbol’ – Matthew Gauci

0
42

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi ghall-isport, u iktar partikolari għall-futbol, nista’ ngħid li twelidt biha. Il-ġenituri tiegħi jgħiduli li minn mindu kont żgħir, qatt ma qbadt karozzi jew ġugarelli oħra biex nilgħab ħlief ballun minn dejjem. Dan jista’ jkun ħadtu min-DNA ta’ missieri għax minn dejjem kien sportiv fejn kien jilgħab il-basketball.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ St George’s FC.

Ma St. George’s FC qed tkun esperjenza sabiħa u pożittiva. L-isbaħ ħaġa li għandna hija l-għaqda u l-armonija fil-grupp, kemm bejnietna il-plejers kif ukoll mal-istaff tekniku u l-kumitat. Fejn hemm l-għaqda, hemm is-saħħa!

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq il-fatt li fil-jiem li għaddew ilħaqt it-tragward ta’ 300 partita fil-karriera tiegħek?

Niżżi ħajr lil Alla li wara tliet injuries kemmxejn serji fejn kelli nopera irkuptejja tliet darbiet, irnexxieli nasal għal dan it-tragward, ingawdi iktar emozzjonijiet u memorji li toffri l-logħba tal-futbol, u ovvjament nagħmel iktar ħbieb ma’ nies li jaqsmu l-istess entużjażmu għall-isport. Nixtieq nirringrazja lill-ġenituri tiegħi li dejjem kienu l-gwida ideali f’kull aspett ta’ ħajti, u lill-mara u t-tfal tiegħi, Jack u Ana, tas-sapport u motivazzjoni li jagħtuni kontinwament.

Kif tqis il-livell tan-National Amateur League 2 fil-preżent?

Il-livell huwa wieħed tajjeb. Il-moviment ta’ diversi plejers f’dawn id-diviżjonijiet iktar baxxi qed iservi ta’ ġid biex il-livell ikompli jogħla, u anke l-introduzzjoni ta’ diversi żgħażagħ b’potenzjal tajjeb qed jgħin ukoll.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Kif ngħid lit-tfal fl-iskejjel, l-ewwel u qabel kollox għandek tipprattika kwalunkwe sport b’imħabba u passjoni. Meta tagħmel xi ħaġa mill-qalb, tħoss sodisfazjon akbar ġewwa fik u dan iservi ta’ motivazzjoni sħiħa biex iwasslek tegħleb ostakli kbar u tilħaq poteznjal li jaqtagħlek ix-xewqat li jkollok. Ovvjament, dan kollu dejjem b’umiltá u sagrifiċċju!