Giuseppe Musella ta’ 28 sena ġie arrestat mill-Pulizija Taljana wara li allegatament qatel lil oħtu Ylenia Musella ta’ 22 sena b’daqqiet ta’ sikkina. Dan id-delitt seħħ f’Napli fl-aħħar sigħat.
Skont dak li qiegħed jiġi rraporta fil-midja Taljana, Giuseppe allegatament ġera wara oħtu barra mid-dar tagħhom li tinsab f’Conocal f’Ponticelli.
Rapporti jgħidu li t-tfajla kienet qiegħda tipprova taħrab mid-dar, iżda ħuha rnexxielu jaqbada u beda jagħtiha daqqiet ta’ sikkina.
Wara, allegatament hu tella’ lil oħtu fil-karozza u mar biha quddiem id-dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Villa Betania. Giuseppe ħarab minn fuq il-post fejn ġie arrestat sigħat wara li wettaq dan id-delitt.
Minkejja kull tentattiv mit-tobba, Ylenia ġiet iċertifikata mejta.
Hekk kif bdiet l-interrogazzjoni, il-Pulizija Taljana qalu li Giuseppe ammetta mill-ewwel li kien qatel lil oħtu.

