Folol kbar ta’ nies inġemgħu fi New York biex jiġbru testing kits tal-Covid-19 b’xejn. Dan seħħ ftit sigħat qabel jum il-Milied hekk kif il-każi ġodda tal-Omicron komplew jiżdiedu b’rata allarmanti.
Fil-belt ta’ New York fl-aħħar sigħat tqassmu eluf ta’ dawn il-kits, b’żewġ testijiet f’kull kaxxa li tqassmu minn ħames postijiet differenti f’tentattiv biex jitnaqqsu l-kjuwijiet enormi li kien qiegħed ikun hemm fiċ-ċentri tal-ittestjar.
Minkejja li fiż-żoni kollha nġemgħu folol kbar, dik fi Flatbush Avenue f’Brooklyn kienet xi ħaġa speċjali hekk kif ritratti li nxterdu fil-midja juru ħaddiema lebsin l-ingwanti jqassmu dawn it-testijiet bil-folla tinjora għalkollox il-miżuri tad-distanza soċjali qalb imbuttar u ġlied biex jiksbu l-kits tagħhom.