Wednesday, December 25, 2024

Fond ta’ nofs miljun ewro għar-riċerka u l-innovazzjoni fl-oqsma tal-enerġija u l-ilma

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Is-setturi tal-enerġija u l-ilma huma żewġ setturi li qed jiżviluppaw b’rata mgħaġġla, u għalhekk huwa importanti li pajjiżna jibqa’ fuq quddiem fl-użu ta’ tekonoloġiji ġodda. Għal dan il-għan, aktar kmieni llum, ġie mniedi fond ġdid ta’ madwar nofs miljun ewro għar-riċerka u l-innovazzjoni fl-oqsma tal-enerġija u l-ilma.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, tħabbar li dan il-fond se jkun qed jikkumplimenta fondi oħra ta’ għajnuna, kemm nazzjonali kif ukoll Ewropej u qed jitħabbar fi żmien opportun biex jikkontribwixxi lejn it-tisħiħ tal-ekonomija wara l-impatt tal-COVID19.

Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Michael Farrugia qal li fis-settur tal-enerġija, illum qed naraw diversi żviluppi b’mod partikolari enerġija rinovabbli fuq il-baħar bħal floating wind u l-floating solar u kif ukoll sistemi għall-ħażna ta’ din l-enerġija—bħall-batteriji u l-idroġenu. Semma wkoll kif fis-settur tal-ilma wkoll qed naraw diversi żviluppi fit-trattament tal-ilma li qed jagħmlu dan it-trattament iktar effiċjenti, kif ukoll fis-sistemi ta’ moniteraġġ awtomatiċi li jippermettu monitoraġġ aktar dettaljat.

“Huwa ta’ pjaċir li ninnota s-suċċessi li qed ikollu pajjiżna f’dawn is-setturi. Insemmi t-tnaqqis fl-emissjonijiet u t-titjib fil-kwalità tal-arja li kienu possibbli b’investiment qawwi fil-qasam tal-enerġija rinovabbli u l-qalba għall-ġenerazzjoni tal-enerġija bil-gass, u t-tnaqqis fl-użu tal-enerġija għall-purifikazzjoni tal-ilma u l-proġett tan-new water li qed iwassal l-ilma trattat għall-biedja,” żied isemmi l-Ministru Farrugia.

“B’dan il-programm se jkollna żvilupp ta’ soluzzjonijiet f’pajjiżna u b’hekk ngħinu lill-operaturi fis-setturi biex jibnu aktar opportunitajiet għall-iżvilupp tas-setturi. Dan jista’ wkoll iwassal biex soluzzjonijiet żviluppati minn riċerkaturi Maltin jiġu esportati u jħallu impatt pożittiv fuq ġżejjer u reġjuni li qed jaffaċċjaw sfidi bħal tagħna”.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u l-Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo rrimarka li qatt daqs illum ma’ pajjiżna kien jeħtieġ li jkollu Gvern bi strateġija li jmexxi ’l quddiem ir-riċerka u l-innovazzjoni f’kull qasam li jmiss mas-soċjetà Maltija.

Huwa żied jgħid li l-oqsma tar-riċerka u l-innovazzjoni huma tellieqa dinija li Malta tinsab parti minnha. “Irridu nibdew nħarsu lejn dik li qed insejħulha bħala a knowledge-based economy li permezz tagħha ngħixu f’pajjiż fejn l-ekonomija tagħna tkunu waħda diversifikata u bbażata fuq setturi li jinvolvu ħiliet diġitali,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo.

Ekonomija

Sport