Sunday, December 22, 2024

 “Fondazzjoni li trid tibqa’ taġġorna maż-żminijiet”

Il-General Manager tal-Fondazzjoni Logħob Responsabbli s-Sur Kevin O’Neill jgħid li l-Fondazzjoni se tibqa’ fidila lejn il-missjoni tagħha.

Aqra wkoll

 “Il-viżjoni tiegħi għall-Fondazzjoni hija waħda ambizzjuża”

“Nemmen li għalkemm il-Fondazzjoni Logħob Responsabbli ilha kkostitwita ftit inqas minn għaxar snin, il-validità tagħha tiżdied ma’ kull sena li tgħaddi minħabba l-fatt li l-logħob u l-logħob tal-azzard jibqa’ jżid fil-popolarità minn sena għall-oħra. Għaldaqstant huwa neċessarju li l-Fondazzjoni tibqa’ tevolvi u żżomm ruħha aġġornata mal-iżviluppi u l-avvanzi teknoloġiċi li jseħħu b’mod veloċi f’dan is-settur, kif ukoll tkun konxja tax-xejriet kemm preżenti, iżda forsi aktar importanti dawk futuri fejn jirrigwarda l-iGaming, il-Gaming u l-Gambling. Apparti minn dan nemmen li l-Fondazzjoni għandu jkollha rwol aktar attiv fejn tidħol il-kwalità ta’ sapport li jingħata lill-ġukatur bħala konsumatur, apparti li nibqgħu dejjem nissodaw l-għanijiet ewlenin tal-Fondazzjoni, dawk tal-għarfien, edukazzjoni, riċerka u sapport.” 

Stqarr dan il-General Manager tal-Fondazzjoni Logħob Responsabbli s-Sur Kevin O’Neill f’intervista li saritlu minn dan il-ġurnal dwar ir-rwol tal-Fondazzjoni fis-soċjetà tagħna fl-isfond tar-realtajiet li l-logħob u l-logħob tal-azzard iġibu magħhom.

Il-General Manager tal-Fondazzjoni Logħob Responsabbli spjegalna wkoll li: “Mill-bidu nett, imsejsa fuq għanijiet li jibqgħu validi llum daqs kemm kienu dakinhar li nbeda x-xogħol tal-Fondazzjoni lura fl-2014, il-Gvern u l-Awtorità Maltija għal-Logħob (dak iż-żmien l-Awtorità għal-Lotteriji u Logħob, jew LGA fil-qosor), kienu l-fondaturi ta’ din l-entità, allura nistgħu ngħidu li għandhom interess personali li jaraw li l-Fondazzjoni tibqa’ aġġornata maż-żminijiet u tibqa’ twassal il-messaġġ li l-logħob tal-azzard għandu jiġi gawdut f’konfini ta’ responsabbiltà. Però dan l-onus mhuwiex biss fuq il-ġukatur, iżda wkoll fuq il-partijiet interessati kollha, jiġifieri il-Gvern, ir-regolatur, l-operaturi lliċenzjati u l-pubbliku.”

Kevin O’Neill iddeskrivielna wkoll l-ideat tiegħu u l-ideoloġija li jixtieq jimplimenta issa u għall-quddiem. “Kull forma ta’ bidla, irrispettivament fejn u fuq liema livell isseħħ, iġġib magħha ċerta aspettativi u din mhux l-inqas fit-tmexxija. L-għaqal dejjem jesiġi li wieħed jibni fuq it-tajjeb tal-predeċessuri tiegħu u ma jiskarta l-ebda idea żgħira kemm hi żgħira. Personalment nemmen li l-industrija tal-logħob tal-azzard għadha tbati minn perċezzjoni negattiva u ħafna għadhom iqisuha bħala intrapriza xejn etika, saħansitra stigma fuq is-soċjetà u ma’ nlumhomx għaliex iva, ir-riskji li wieħed jiżviluppa problemi relatati ma’ logħob tal-azzard eċċessiv huma realtà jekk jintilef kull kontroll. Iżda dan il-prinċipju ta’ kontroll japplika għal kważi kull attività rikreattiva. L-istudji tiegħi kienu ffokati fuq l-etika, speċifikament l-etika fit-tmexxija. Nemmen bis-sħiħ li t-tmexxija etika tista’ tkun id-differenzjatur ewlieni li tiddistingwi kumpanija minn oħra u dan għaliex dan l-istil ta’ tmexxija jara li mhux sempliċement jintlaħqu l-miri ekonomiċi u l-obbligi legali tagħha, iżda jestendu biex jilqgħu l-aspettativi etiċi imposti min-normi soċjali fin-negozju.”

Il-Kampanja TAKE ACTION … X’inhuma l-għanijiet u l-ħsibijiet?

“Il-Proġett TAKE ACTION: Against problem gambling in Malta, parzjalment iffinanzjat b’fondi Ewropej, kien mibdi biex jiġi implimentat pjan ħolistiku li jara li jkun hemm titjib fil-kura u servizzi soċjali marbutin mal-qasam tal-problemi relatati mal-logħob tal-azzard eċċessiv u l-vizzji assoċjati ma’ dan is-suġġett. Il-proġett innifsu kien immirat li jipproponi azzjoni effettiva lejn il-prevenzjoni ta’ problemi u disturbi marbuta mal-logħob tal-azzard problematiku f’Malta u Għawdex. L-ewwel fażi kienet tikkonsisti fi studju ta’ riċerka nazzjonali li mhux biss segwew ix-xenarju lokali, iżda wkoll lejn is-soluzzjonijiet u l-policies adottati minn pajjiżi oħrajn u jivvalutaw l-adegwatezza tagħhom għall-gżejjer Maltin bil-għan li jiġi pprovdut servizz ta’ kura aħjar lil dawk bi problemi relatati mal-logħob tal-azzard eċċessiv. Il-proġett kien ukoll intiż biex iħarreġ professjonisti tal-kura u ħaddiema fil-qasam soċjali jkunu aktar attrezzati jittrattaw każi marbutin mal-logħob diżordinat. L-aħħar element hija dak li għaddej b’mod b’saħħtu bħalissa, il-kampanja ta’ għarfien TAKE ACTION li hija mmirata lejn l-interessi tal-pubbliku ġenerali biex jinħoloq aktar għarfien dwar din il-problema u permezz t’hekk dak li jkun isir aktar konxju mil-logħob responsabbli.

Servizzi ta’ sapport

“Sa mil-2015, il-Fondazzjoni ilha topera servizz ta’ Supportline Nazzjonali, fejn dawk li jkunu qegħdin isibu diffikultajiet jikkontrollaw il-logħob tagħhom jistgħu jagħmlu kuntatt ma’ wieħed mill-aġenti mħarrġin tagħna permezz tan-numru 1777, fejn hemmhekk jingħataw pariri dwar dawk is-servizzi disponibbli li jistgħu jqabbduhom it-triq lura lejn is-sigurtà. Apparti hekk, teżisti wkoll chatline fejn wieħed jista’ jiddjaloga bil-miktub ma’ aġent minn tagħna b’mod anonimu. Jiġi offrut ukoll servizz ta’ mili tal-formola tas-self-exclusion li permezz tagħha individwu jista’ jnaqqas l-aċċess għal stabbilmenti tal-logħob, casinos u swali tat-tombla għal perjodu definit jew indefinit. Nittamaw li fil-futur qarib inżidu aktar servizzi ta’ kwalità u ta’ fejda.

Il-logħob u l-logħob tal-azzard jistgħu jiġu pprattikati b’mod responsabbli? 

“It-tweġiba fil-qosor hija ‘iva’, però f’qasam bħalma huwa dak tal-logħob tal-azzard, wieħed ma jistax ma jagħtix aktar dettall u spjega adekwata. Fejn jirrigwardaw il-ġukaturi nfushom, jekk dawn ma’ jilagħbux bl-iskop li jagħmlu l-flus, jaraw li jonfqu l-flus u jutilizzaw ħin li mhuwiex meħtieġ għal responsabbiltajiet jew impenji aktar serji u importanti u li ma’ jħallux il-logħob isir parti sproporzjonata mill-ħajja tagħhom, allura iva, dan il-passatemp jista’ jiġi ppratikat b’mod responsabbli. Però l-industrija wkoll għandha l-prinċipji tagħha biex iċ-ċirku jkun effettivament komplut u dan billi jippromwovu l-ġid komuni, jirrispettaw ir-razzjonalità tal-individwi billi joffrulhom is-sapport kollu meħtieġ li jippermetti l-ġukaturi jagħmlu għażliet raġjonevoli. Ukoll, għandhom jirrispettaw il-libertà tal-individwu fejn jidħlu l-kontrolli u l-għażla. Fl-aħħarnett, l-operatur innifsu għandu jieħu responsabbiltà għal kull impatt negattiv li jista’ jkollu l-logħob fuq il-ġid komuni. 

Fl-aħħar nett tlabna lil Kevin O’Neill jagħtina l-viżjoni tiegħu għall-Fondazzjoni. “Il-viżjoni tiegħi għall-Fondazzjoni hija waħda pjuttost ambizzjuża, għaliex nara l-bżonn li jkollna ċentru ta’ kura residenzjali li jservi wkoll ta’ hub fejn fih jiġi offrut kull forma ta’ servizz li għandu x’jaqsam mal-kura ta’ dan il-vizzju. Nafu li f’dan il-qasam speċjalizzat ma’ jeżistix il-kunċett ‘one size fits all’ għaliex kull persuna li tbati minn dan il-vizzju tkun qiegħda f’post differenti fil-vjaġġ tagħha, apparti l-fatt li l-kura li tingħata trid tkun speċifika għal-bżonnijiet tal-pazjent jekk din il-kura se tkun effettiva. Apparti dan, jien nagħti ħafna valur lill-innovazzjoni għaliex dan il-proċess kreattiv jiskopri soluzzjonijiet li huma kkunsidrati mhux konvenzjonali, iżda effettivi immens. Għaldaqstant diġà qiegħed f’kuntatt ma’ diversi entitajiet u individwi li jaħdmu fil-qasam tal-logħob responsabbli li qegħdin jiżviluppaw prodotti avant garde b’potenzjal kbir li joffru titjib fil-kontrolli u l-kontabiltà tal-ġukaturi.”

Ekonomija

Sport