Saturday, May 4, 2024

Fondi Ewropej għal aktar servizzi fil-komunità

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Inizjattiva ġdida li ħareġ biha l-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid sabet l-għajnuna tal-fondi Ewropej biex b’hekk se tibda u titkompla. Din l-inizjattiva se toffri servizz ta’ trasport b’xejn lill-anzjani tal-lokalità li jkollhom bżonn jagħmlu l-qadi tagħhom kemm fil-lokalità tagħhom u anke ‘l barra minnha. B’hekk, l-anzjani li għandhom qraba tagħhom f’San Vinċenz de Paul se jkunu jistgħu jużaw dan is-servizz mingħajr ħlas.

Qal dan is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Dr Chris Bonett f’kumment li ta lil Talk.mt fejn ħeġġeġ lokalitajiet oħra biex jieħdu inizjattivi bħal dawn u jagħmlu użu mil-fondi Ewropej.

Dan se jkun servizz ieħor li se jiżdied ma’ dawk li diġà qed jingħataw ir-residenti ta’ din il-lokalità. B’din l-inizjattiva, il-fondi Ewropej se jagħmlu tajjeb għas-servizz tal-vann u l-pagi tax-xufier għall-ewwel sena. Is-servizz ta’ trasport assistit lir-residenti ta’ Raħal Ġdid qed isir b’investiment ta’ €100,000.

Sa ftit snin ilu l-aċċess għall-fondi Ewropej kien wieħed burokratiku ħafna tant li dawn il-fondi kienu kemmxejn diffiċli biex jiġu aċċessibbli. Il-Gvern għalhekk ra kif għamel biex issimiplifika l-proċess u b’hekk issa sar iktar faċli biex wieħed japplika għalihom.

Is-Segretarju Parlamentari Bonett spjega li proġetti simili għal dak ta’ Raħal Ġdid jagħmel sens soċjali fil-qalba tal-komunità. Huwa ħeġġeġ ukoll lill-Kunsill Lokali biex jagħmlu użu min dawn il-fondi anke permezz ta’ Servizzi Ewropej f’Malta (SEM).

Sadanittant, f’konferenza stampa, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli sostniet li huwa d-dritt ta’ kull persuna li tgħix ħajja independenti. “Għalhekk ser inkomplu ninvestu f’modi sabiex kull resident ikollu aċċess faċli għas-servizzi neċessarji ta’ kuljum” saħqet is-Segretarju Parlamentari. Hija faħħret ukoll l-għaqal tal-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid li għamel użu tajjeb mill-fondi tal-Kunsill Lokali favur servizz pubbliku fil-qalba tal-komunità.

Is-Sindku ta’ Raħal Ġdid Dominic Grima qal li dan is-servizz ser joffri trasport għall-isptar San Vincenz de Paul. Huwa spjega li t-trasport se jkun disponibbli mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn is-7.30 a.m. u s-2.00 p.m. u s-Sibt mit-8.00 a.m. san-nofsiegħa.

Is-servizz se jidħol fis-seħħ mit-tieni ġimgħa t’Awwissu 2023. Ir-residenti li jixtiequ jagħmlu użu minn dan is-servizz għandhom jagħmlu kuntatt mal-Kunsill Lokali. 

Sport