Wednesday, October 9, 2024

FONDI EWROPEJ GĦALL-UKRAJNA

Aqra wkoll

Mill-bidu tal-gwerra fl-Ukrajna, il-maġġorparti tal-mexxejja tal-Unjoni Ewropea taw appoġġ lill-Ukrajna kontra l-aggressjoni tal-President Russu Vladimir Putin. Sew għamlu.

Dan l-appoġġ iġib miegħu l-konsegwenzi tiegħu, fosthom dawk finanzjarji. Il-piżijiet finanzjarji fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea tal-appoġġ li qed tagħti u tkompli twiegħed lill-Ukrajna qed jiżdiedu dejjem aktar. Se jibqgħu jagħmlu hekk sakemm ma jinstabx xi tmiem għall-gwerra.

Studju riċenti tas-servizzi ta’ riċerka tal-Parlament Ewropew ikkalkula li dalwaqt l-impenji finanzjarji tal-Unjoni Ewropa u tal-membri tagħha se jlaħħqu aktar minn 150 biljun ewro, ċifra li se tibqa’ tielgħa. Biss, dawn il-fondi u l-impenji għal aktar fondi donnhom qed jittellqu b’kunsens politiku mingħajr biżżejjed sorvelja ta’ għaliex il-fondi qed jintefqu, kif u minn min.

Mhumiex ammonti żgħar. Qed joħolqu pressjoni kbira fuq il-baġit tal-Unjoni.

IL-KRIŻIJIET JISWEW?

Tisma’ min jgħidlek li mhux kollox iswed meta jinqalgħu l-kriżijiet. Minħabba fihom, fl-aħħar se jittieħdu deċiżjnijiet biex jitwettqu riformi li mingħajrhom ma kinux iseħħu. Dan, jintqal, hu aktar meħtieġ f’demokrazija, fejn id-deċiżjonijiet iridu jsibu l-appoġġ ta’ numru kbir ta’ ċittadini. Ħaġa ovvja, mhijiex se togħġobhom l-idea li se jkollhom jaċċettaw miżuri ta’ dwejjaq.

Kriżi ġġiegħel lin-nies tirrevedi l-prioritajiet tagħha b’urġenza u taċċetta miżuri li sa ftit qabel kienu jqajmu rewixta. U jkunu miżuri meħtieġa.

Hemm ċertu sens f’dan l-argument. Imma kemm hu veru li l-kriżijiet jiswew għat-tajjeb? Magħhom iġibu ħafna diżgwid, taqlib u ta’ spiss sofferenzi kbar.

Meta jinqalgħu u ma jkunux jistgħu jitwarrbu aktar, hi ħaġa għaqlija li jittieħdu deċiżjonijiet iebsa li ma setgħux jittieħdu mod ieħor. Imma hu bil-wisq aktar għaqli kieku l-kriżijiet jitwarrbu billi tittieħed azzjoni qawwija ħalli huma jiġu mbassra minn qabel u jinġema’ kunsens popolari favur li jiġu mrażżna.

TMIEM IS-SAJF

Ħafna nies resqin — jekk mhux diġà għaddejjin — minn żmien ta’ dwejjaq għall-fatt li bħal ta’ qablu, das-sajf qed iħallina. Jiġri hekk ma’ kull bidla tal-istaġuni: inkunu drajna dak li ninsabu fih u tqum in-nostalġija għax wasal biex jitlaq.

L-aktar li tolqot dil-ħaġa bla dubju hu lit-tfal tal-iskola. Wara l-ġimgħat ta’ ħajja libera matul il-vaganzi tas-sajf (biex ma nsemmix il-vaganzi l-oħrajn), hu prospett iebes u tad-dwejjaq dak li deħlin mill-ġdid f’jiem ta’ dixxiplina u studju. Talanqas hekk niftakru daż-żmien fejn wieħed jiggranfa mal-ħelsien li fadal waqt li jinkazza dwar is-sikkatura li riesqa.

Imbagħad, l-istaġuni kollha fihom tagħhom. Il-bidliet bejniethom malajr jindraw. Ir-riesaq li jdejjaq malajr isir l-użanza ta’ kuljum. Kull staġun iħalli warajh in-nostalġija tiegħu. Malajr tintefa.

Sport