Saturday, December 21, 2024

Fondi tal-LESA għal proġetti fil-qalba tal-lokalità

Aqra wkoll

Niċċa ta’ aktar minn mija u tnejn u ħamsin sena u waymarker ta’ żmien is-servizzi Ingliżi ġew restawrati fi proġett li l-Kunsill Lokali tal-Fgura wettaq wara li għaraf juża fondi tal-aġenzija LESA.

In-niċċa tinsab fi Triq il-Karmnu, waħda mill-eqdem toroq tal-Fgura u li fi żmien l-imgħoddi kienet tintuża biex minn Ħaż-Żabbar wieħed imur Bulebel mingħajr ma jgħaddi minn Raħal Ġdid.

Il-waymarker ta’ żmien l-Ingliżi, li jinsab fl-istess triq, huwa uniku għall-Fgura u kien fost il-bosta li s-servizzi Ingliżi kienu għamlu fl-inħawi bħala linja ta’ demarkazzjoni bejn r-raba tal-bdiewa Maltin u l-inħawi li kienu f’idejn is-servizzi Ingliżi.

Il-Kunsill Lokali tal-Fgura rrestawra dan il-waymarker, ċaqalqu bi ftit metri, u għamlu f’post aktar sigur u fuq bażi ġdida apposta sabiex ma ssirlux aktar ħsara minn vetturi u inġenji kbar li ġieli kienu jħakku miegħu.

F’kelmtejn waqt ċerimonja qasira, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri faħħar ħidmet il-Kunsill tal-Fgura li għaraf jagħmel użu minn dawn il-fondi sabiex isaħħaħ il-wirt storiku, f’lokalità pjuttost moderna u waħda mill-akbar ċentri residenzjali f’Malta. Qal li l-fondi li l-aġenzija LESA trodd lura mit-taħrikiet għal proġetti fil-qalba tal-komunitajiet Maltin u Għawdxin taw spinta lill-proġetti simili mwettqa mill-kunsilli lokali.

“L-għan tagħna bħala gvern u anke bħala aġenzija LESA huwa dak li nassistu lill-kunsilli lokali biex iwettqu l-proġetti li jkunu fasslu għall-komunità tagħhom biex igawdu minnhom ir-residenti. F’dan il-każ il-komunità tal-Fgura ser tgawdi b’mod dirett kull darba li tgħaddi minn quddiem dawn il-postijiet u ser tibqa’ tgawdihom għaż-żmien li ġej,” qal il-Ministru Camilleri.

Għaċ-ċerimonja kien hemm ukoll is-Sindku tal-Fgura, is-Sur Pierre Dalli u diversi membri tal-Kunsill Lokali. Is-Sindku faħħar dawn il-fondi li jingħataw lill-kunsilli lokali sabiex minnhom imbagħad tgawdi l-komunità.

Ekonomija

Sport