Thursday, April 18, 2024

FORMULA PERFETTA

Lorna Vassallo

Aqra wkoll

Meta nitkellem dwar politika rari mmur lura fiż-żmien. Iżda l-istorja hija mera tal-futur u l-imgħoddi jista’ jgħallimna. Bħal ħaddieħor qed nagħmel ir-riflessjonijiet tiegħi dwar il-qagħda prekarja tal-Oppożizzjoni bħalissa. Li hu żgur hu li s-sitwazzjoni ser tkompli titwiegħer u diffiċli ferm tmur għall-aħjar. Għalkemm ftit li xejn nammettu, jista’ jkun li t-tmiem tal-Partit Nazzjonalista kif nafuh illum ta’ bilħaqq wasal u saħansitra l-ikbar għedewwa tal-PN ma jridux jammettu li Malta ser ikollha tibqa’ bla oppożizzjoni.

Għalkemm il-persentaġġi f’termini ta’ siġġijiet mhumiex mill-agħar ilkoll nafu li ċerta siġġijiet ġew jew minħabba l-mekkaniżmu korrettiv li tipprovdi l-kostituzzjoni, jew minħabba l-mekkaniżmu korrettiv tan-nisa introdott f’din l-elezzjoni. 

Iżda iktar milli dwar persentaġġi illum xtaqt nitkellem dwar persunaġġi u sitwazzjonijiet. Sitwazzjonijiet li jistgħu jkunu indikattivi ta’ x’se jiġri fil-futur.  U ovvjament, kollox huwa miktub fuq il-ħajt. 

Nerġa’ lura għal żmien il-PM Lawrence Gonzi fl-2008. Il-gvern tiegħu kellu biss maġġoranza ta’ siġġu wieħed iżda l-PN kien fil-gvern u l-partit kien jidher elettoralment u finanzjarjament b’saħħtu. Il-moral tal-partitarji Nazzjonalisti kien wieħed għoli minkejja l-voti miksuba u kienu l-partitarji tal-Partit Laburista li kienu qalbhom maqtugħa li  jerġgħu jitilgħu fil-gvern. Apparti dan kollu, l-“opportunisti”, li jivvutaw skont kemm jistgħu jakkwistaw, kellhom fejn jirgħu bi gvern ġdid Nazzjonalista b’potenzjal ta’ rebħ ikbar l-elezzjoni ta’ wara. Fl-aħħar mill-aħħar, anke l-Kabinett u l-Membri Parlamentari Nazzjonalisti, fil-bidu tal-leġislatura, kienu jaħdmu għal ideal wieħed u jiġbdu l-istess ħabel.  

Sa tmiem il-leġislatura Lawrence Gonzi, minħabba diżgwid minn tliet Membri Parlamentari minn 30 (Jeffrey Pullicino Orlando, Jesmond Mugliett u Franco Debono) spiċċa tilef is-siġġu parlamentari li kellu aktar mill-Oppożizzjoni u għamel mill-bidu tal-2012 sal-2013 iċeklem biex jgħaqqad il-ħames snin tal-leġiżlatura.  

Dan kollu kien seħħ meta l-PN kien fil-gvern u kellu rajh kollu f’idejh, ir-riħ in poppa u d-dejn mistur.  

Fl-elezzjoni tal-2013 minn distakk ta’ 1,200 vot biss minn taħt, il-PL spiċċa b’35,000 vot minn fuq.  Minn 143,468 vot fl-elezzjoni tal-2008, il-PN spiċċa b’132,426 (telfa ta’ 11,000 vot). Minn 49.3% tal-voti tal-elettorat niżel għal 43.3%.  Meta r-riedni għaddiet f’idejn Simon Busuttil u dan resaq għall-elezzjoni, dan kiseb 135,696 (żieda ta’ 3,270 vot). Iżda din iż-żieda ftit li xejn għenet billi l-PL żied 3,443 vot. 

Issa wara li tneħħa Adrian Delia f’nofs leġislatura, b’Bernard Grech fuq it-tmun il-voti naqsu għal 123,233 vot ieħor (tnaqqis ieħor ta’ 12,463 vot).  

Iżda dan mhux kollox. Fit-tabella hawn annessa jidher ċar ukoll li dan it-tnaqqis kollu sar f’kuntest ta’ popolazzjoni dejjem tikber u ammont ta’ voti validi dejjem jiżdiedu.  Fi żmien l-aħħar elezzjoni ta’ Eddie Fenech Adami (u mhux ta’ Gonzi), il-voti validi kienu jammontaw għal 28,2213.  Fl-elezzjoni ta’ din is-sena, il-voti validi kienu jammontaw għal 31,0665 minkejja li l-persentaġġ ta’ votanti li ħarġu jivvutaw seta’ kien aħjar.  

B’popolazzjoni dejjem tikber, b’iktar votanti inklużi fir-reġistru elettorali (ma rridux ninsew il-votanti ta’ sittax-il sena li ġew introdotti issa), il-PN qed isegwi xejra dejjem nieżla ta’ appoġġ.

Jekk nieħdu l-partiti ż-żgħar in konsiderazzjoni, apparti l-fatt li sar hemm it-tendenza li jinħolqu partiti ġodda, u li qed jattiraw iktar voti, jidher ċar ukoll li dawn (flimkien mal-istess PL) qed jisfaw f’nuqqas ta’ voti lill-oppożizzjoni u lil xulxin iktar milli inqas voti għall-gvern.

Li wieħed jirriversja x-xejra ta’ telf ta’ voti mhux faċli. Jidher li ż-żieda tal-2017 kien episodju uniku u mhux xejra ġdida. Iżda apparti n-numri, ma rridux ninsew fatturi oħra. Kif għedt hawn fuq, meta bdiet ix-xejra ta’ telf ta’ voti l-PN kien immexxi minn Lawrence Gonzi.

Meta Gonzi sar PM fl-2004, il-PN kien fil-gvern u l-partit kien elettoralment u finanzjarjament b’saħħtu għallinqas fejn jidher. Illum il-PN qiegħed fl-Oppożizzjoni u huwa elettoralment u finanzjarjament imfarrak b’mod li l-firda interna u d-dejn tal-Partit ħarġu fid-deher. 

L-istess il-moral tal-partitarji.  Filwaqt li dak iż-żmien kien wieħed għoli illum huwa wieħed baxx ħafna. 

L-“opportunisti” ma tantx jaraw għal xiex għandhom jitilfu ħin miegħu (xi ħaġa li minnha nnifisha se twassal għal falliment finanzjarju tal-PN).

B’differenza minn Bernard Grech, fil-bidu tal-leġislatura ta’ Gonzi, il-Kabinett u l-Membri Parlamentari Nazzjonalisti kienu jaħdmu għal ideal wieħed u jiġbdu l-istess ħabel għallinqas fid-deher. Fil-każ ta’ Bernard Grech fil-bidu tal-leġislatura l-Kabinett u l-MP Nazzjonalisti huma diġà maqsuma bejniethom pubblikament iktar u iktar wara deċiżjonijiet li ħa Bernard Grech stess li jneħħi xi wħud minnhom mir-rwoli li kien ilhom igawdu s-snin.

Sa tmiem il-leġislatura ta’ Gonzi d-diżgwid ta’ tliet Membri Parlamentari minn 30 waqqgħuh mill-gvern. Iżda issa qajla qed nitkellmu dwar 3 dissenzjenti imma dwar partit jew tnejn ġo partit. Dwar gruppi sħaħ ta’ dissenzjenti li qed jiġbdu ħbula differenti.  

Huwa għalhekk illi l-PN għandu destin ikrah ferm miktub fuq il-ħajt.  Filwaqt li Gonzi fl-2004 ħa partit b’saħħtu fil-gvern u b’tama leġittima li jerġa’ jitla’ fil-gvern u li jinsabu soluzzjonijiet għall-problemi interni, Grech ħa f’idejh partit mejjet li jista’ biss ‘imut iktar’.  

L-istess meta Gonzi kkontesta waħdu sabiex imexxi l-PN, l-arja kienet waħda ferm differenti.  Kien hemm żewġ kandidati validi li xtaqu jkunu fuq it-tmun ta’ partit li jista’ jkun rebbieħ.  Grech qed jikkontesta waħdu għax ħadd ma jrid jieħu r-responsabbiltà tal-frakass li ser jaffaċċja.  Ħadd ma jrid jeħel bid-delitt tal-mejjet.  U baqa’ biss Grech jidher għal partit mejjet.  Wara kollox għax hu stess ikkontrobwixxa bil-kbir biex ‘ikompli joqtlu’. Grech jidher li sab il-formula perfetta – kemm biex jibqa’ mexxej tal-partit, kif ukoll biex joqtol lill-Partit darba għal dejjem.

Għal kummenti jew suġġerimenti: http://vassallolorna.com jew https://www.facebook.com/lejnmaltaaaa 

Ekonomija

Sport