Thursday, April 25, 2024

Il-Mużew Storiku tal-Birgu ser jerġa’ jinfetaħ għall-pubbliku

Aqra wkoll

Il-Mużewijiet f’Malta kollha ntlaqtu mill-pandemija u kellhom jagħlqu. Dan seħħ kemm minħabba r-restrizzjonijiet imposti mill-awtoritajiet tas-saħħa kif ukoll minħabba n-nuqqas ta’ turisti. Il-Mużew Storiku tal-Birgu li jinsab f’Oratorju San Ġużepp fil-Pjazza tal-Birgu messitu l-istess xorti. Issa, wara sentejn li ilu magħluq, dan il-Mużew se jerġa’ jinfetaħ għall-pubbliku.

Il-Mużew jagħmel parti mill-Kolleggjata ta’ San Lawrenz Levita Martri u kien twaqqaf fl-1990 bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet biex ifakkru d-900 Sena mit-twaqqif tal-Parroċċa tal-Birgu. L-akbar preġju ta’ dan il-Mużew parrokkjali huwa li mal-Oratorju San Ġużepp jinsab santwarju żgħir u devot dedikat lill-Madonna Damaxxena li kien jappartjenu għall-komunità Griega. F’dan il-post hemm esposti it-tifkiriet għeżież tal-Gran Mastru De la Vallette, il-Kappell u x-Xabla tal-Assedju tal-1565.

Is-santwarju dedikat lill-Madonna Damaxxena. Ritratt: Soċjetà Storiko-Kulturali Vittoriosa

Kienet is-Soċjetà Storiko-Kulturali Vittoriosa flimkien mal-Arċipriet u l-Kapitlu li ħarġu bl-idea biex jitwaqqaf dan il-Mużew. Is-Soċjetà baqgħet tieħu ħsieb il-Mużew matul is-snin u tikkoordina għadd ta’ voluntiera biex il-Mużew jinżamm miftuħ is-sena kollha. Apparti mir-relikwji ta’ De La Vallette, fil-Mużew hemm għadd ġmielu ta’ oġġetti storiċi, pitturi u kotba antiki.

Fiż-żmien li l-Mużew kien magħluq, saret riorganizzazzjoni tal-affarijiet esebiti bl-intenzjoni li tinħoloq narrattiva tematika biex il-viżitaturi jkollhom esperjenza personali. Għal dan l-iskop ġew akkwistati fondi mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat taħt l-iskema SiS biex jitwaqqfu numru ta’ stands b’informazzjoni storika skont temi differenti madwar il-Mużew. Se jitwaqqfu stands simili bl-istess skop madwar il-Knisja ta’ San Lawrenz.

Iċ-ċerimonja tal-ftuħ mill-ġdid tal-Mużew se ssir nhar l-Erbgħa, 18 ta’ Mejju 2022, fis-7:15 p.m. fl-Oratorju ta’ San Ġużepp u tkun immexxija mill-Arċipriet tal-Birgu, il-W.R. Kan. Carmelo Busuttil Magister Iuris, S Th. Dip. MA.  fil-preżenza tas-Sindku tal-Belt Vittoriosa, John Boxall. Se tingħad talba Marjana bir-rit Biżantin fis-Santwarju tal-Madonna Damaxxena mir-Rev. Kan. Onor. Papas Grieg Prof. Martin Zammit.  Fil-programm se ssir preżentazzjoni lill-Arċipriet ta’ kopja tal-volum sublimi ppubblikat reċentement minn Heritage Malta — Swords of the Religion minn Franco Davies, b’fotografija stupenda ta’ Daniel Cilia, li f’parti minnu jittratta dwar ix-Xabla ta’ De La Vallette li hemm f’dan il-Mużew. Il-preżentazzjoni se ssir mill-awtur innifsu.

Sport