Meta l-forzi speċjali Brittaniċi għamlu rejd f’dar ta’ familja fl-Afganistan fl-2012, qatlu ż-żewġ ġenituri żgħażagħ u ferew serjament lil uliedhom trabi. Investigazzjoni tal-BBC żvelat li l-kmand tal-forzi speċjali ma rreferax l-inċident lill-pulizija militari u qatt ma ġie investigat, sa issa. Fl-Afganistan, familja għadha qed tipprova tfieq mit-trawm li għaddiet minnha.
Tard filgħaxija tas-6 ta’ Awwissu 2012, fil-bitħa tad-dar tal-familja fl-Afganistan, Abdul Aziz Uzbatzai poġġa bilqiegħda għall-aħħar ikla li qatt kien ikollu ma’ ibnu. Fuq il-mejda kien hemm hu u martu, erbgħa mill-ħamest itfal tagħhom, u żewġ neputijiet żgħar tagħhom. Kien it-18-il lejl tar-Ramadan, ix-xahar qaddis meta l-Musulmani jsumu. Il-familja kienet tgħix flimkien f’dar modesta fir-raħal imsejjaħ Shesh Aba fil-provinċja taʼ Nimruz.
Għalihom, dak il-jum kien bħal kull jum ieħor – kolazzjon komuni qabel tlugħ ix-xemx, eżatt qabel is-sigħat tas-sawm. It-tifel il-kbir ta’ Abdul Aziz, fetaħ il-ħanut żgħir tal-merċa li kien imexxi. Mart Hussain Ruqqia ħadet ħsieb iż-żewġ subien żgħar tagħhom u bdiet ix-xogħol tagħha fid-dar.
L-unika ħaġa barra mill-ordinarju, skont ir-rakkont tal-familja, kienet il-wasla ta’ żewġ viżitaturi irġiel mhux magħrufa. Fl-Afganistan rurali, mhux rari li familja jkollha mistednin mhux mistennija u t-tradizzjoni tiddetta li l-mistednin ikunu ospitati.
Wara nżul ix-xemx, iż-żewġ mistednin ingħataw x’jieklu separatament u telqu mingħajr inċident fl-10pm.
Żewġ ulied li kien għadhom żgħar ma jiftakru xejn dwar dak li seħħ aktar tard dak il-lejl. Jafu iżda li qabel l-irqad, missierhom kien ħareġ is-saqqijiet tagħhom fil-bitħa minħabba is-sħana li kienet għamlet.
Sa dak il-punt, fl-2012, il-forzi tal-koalizzjoni kienu ilhom jagħmlu gwerra fl-Afganistan għal ftit aktar minn għaxar snin. Unitajiet tal-forzi speċjali minn pajjiżi ewlenin tal-koalizzjoni kienu regolarment iwettqu ‘Operazzjonijiet ta’ Detenzjoni Intenzjonati’ magħrufa wkoll bħala “missjonijiet Qtil/Qbid”. It-truppi tipikament daħlu bil-ħelikopter wara d-dlam u bdew attakki mgħaġġla kontra miri Talibani suspettati. Għar-Renju Unit, dawn ir-rejds bil-lejl kienu ġeneralment eżegwiti mill-SAS jew SBS, l-unitajiet tal-forzi speċjali rispettati ħafna tal-Armata Brittanika u r-Royal Navy.
Iżda l-pubbliku Brittaniku dak iż-żmien ma kienx mgħarraf li l-operazzjonijiet tas-SAS kienu diġà suspettati fl-ogħla livelli illi qatlu illegalment irġiel Afgani li kienu miżmuma wara li ċedew. Investigazzjoni tal-BBC Panorama ppubblikata aktar kmieni din is-sena żvelat li skwadra waħda tas-SAS qatlet 54 persuna f’ċirkustanzi suspettużi. F’memo sigriet ta’ uffiċjal tal-forzi speċjali tal-ogħla grad fir-Renju Unit kien fakkar lill-kap tal-forzi speċjali li jista’ jkun hemm “politika intenzjonata” fis-seħħ biex joqtlu lid-detenuti “anki jekk dawn ma jkunux ts’ theddida”.
Wieħed minn dawn ir-rejds tal-“Qtil/Qbid” kien sar fid-dar tal-familja ta’ Abdul Aziz. Għall-ħabta tat-3am, ħelikopters militari Ingliżi niżlu barra r-raħal ta’ Nimruż. Suldati tal-forzi speċjali niżlu fl-art u marru lejn fejn il-familja ta’ Aziz kienet torqod. Fi ftit minuti suldati barranin daħlu fil-kamra tal-missier, imbottawh mal-art u wara mmanettjawh u sawtuħ.
Skont ir-rakkont tiegħu, Abdul Aziz ġie mgħammad, imsawwat u interrogat. Is-suldati barranin staqsewh dwar il-viżitaturi li kienu marru id-dar tiegħu aktar kmieni dakinhar.
Is-suldati tal-forzi speċjali kienu marru wkoll fid-dar ta’ biswit fejn kien jgħix raġel armel mas-sitt uliedu. Wieħed minn uliedu, Mohammad Mohammad, li dak iż-żmien kellu biss 12-il sena, qal lill-BBC li hu u ħutu nħarġu barra u nżammu mis-suldati.
Kien biss wara li t-truppi telqu mir-raħal sigħat wara li Abdul Aziz neħħa l-għamad li għamlulu u malli fetaħ għajnejħ ra li kien hemm id-demm kullimkien u żewġ katavri it-tnejn b’tiri f’rashom.
Dwar l-istess rapporti, il-BBC talab kemm lill-Ministeru tad-Difiża kif ukoll lill-RMP biex jiżvelaw il-grad tal-uffiċjal kmandant li ħa d-deċiżjoni tal-attakk, iżda t-tnejn irrifjutaw li jgħidu.
Il-BBC kiseb dokument sigriet tal-forzi speċjali interni li jistabbilixxi l-protokoll kif tittieħed deċiżjoni dwar referenzi ta’ inċidenti lill-pulizija militari. Ladarba l-investigazzjoni u r-rapport dwarha ikun tlesta, dan jintbagħat lid-Direttur tal-Forzi Speċjali li hu l-uffiċjal tal-ogħla grad fir-Renju Unit biex jiddeċiedi dwar jekk jirreferix l-inċident lill-pulizija militari.
Id-Direttur tal-Forzi Speċjali fiż-żmien tar-rejd ta’ Shesh Aba kien il-Ġeneral Sir Mark Carleton-Smith, li sar il-kap tal-Armata Ingliża qabel ma rtira aktar kmieni din is-sena.
Mistoqsi mill-BBC dwar ir-rejd ta’ Shesha Aba, il-Ġeneral Carleton-Smith qal li ma jiftakarx jekk kienx infurmat dwar id-dettall tattiku speċifiku tal-operazzjoni iżda li ma kien fl-ebda dubju li kien ikun iggwidat mill-parir tal-kmandanti kif ukoll mill-ġudizzju legali ta’ avukat anzjan tal-Armata dwar jekk kienx meħtieġ li l-inċident ikun riferut lill-pulizija militari.
Qal ukoll li r-rakkomandazzjoni lilu dak iż-żmien mill-uffiċjal kmandant fl-Afganistan kienet li ma kien hemm l-ebda evidenza ta’ reat kriminali, li r-Regoli tal-Ingaġġ ma kinux inkisru, u li iċ-ċirkostanzi tal-operazzjoni ġġustifikaw l-użu letali ta’ forza.
Żied jgħid li ċertament qatt ma ra jew qara xi evidenza jew parir li jissuġġerixxi mġieba illegali mill-forzi speċjali.
Il-Ġeneral Carleton-Smith qal lill-BBC li jibqa’ tal-fehma li r-Regoli tal-Ingaġġ ġew osservati b’mod korrett minkejja l-eżiti kultant traġiċi li sfortunatament huma inevitabbli waqt gwerra.
Ir-Regoli tal-Ingaġġ li applikaw għal dan ir-rejd iddettaw li l-forza letali setgħet tintuża biss kontra xi ħadd li kien ta’ theddida imminenti għall-ħajja. Ma kien hemm l-ebda suġġeriment mill-Ministeru tad-Difiża li nstabu xi armi fid-dar ta’ Hussain jew li hu kien armat meta ġew sparati t-tiri li qatlu lilu u lil martu.