Saturday, May 18, 2024

Titnieda t-13-il edizzjoni ta’ Betlehem f’Għajnsielem 

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, nieda t-13-il edizzjoni ta’ Betlehem f’Għajnsielem. 

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li l-fatt li qed tiġi inawgurata t-13-il edizzjoni ta’ Betlehem f’Għajnsielem, jixhed is-suċċess ta’ din l-attrazzjoni matul is-snin. Żied jgħid li, “Il-presepju ħaj mifrux fuq medda ta’ 20,000 metru kwadru u b’aktar minn 100 attur għal darb’oħra se joffri esperjenza unika tal-istorja tan- natività. Illum il-ġurnata Betlehem f’Għajnsielem hija attività li daħlet fil-kalendarju kulturali Għawdxi tal-Milied u aħna bħala ministeru minn sena għal sena nibqgħu nagħtu s-sostenn tagħna sabiex jittellgħu attrazzjonijiet bħal dawn u b’hekk inżommu ħajja l-kultura tagħna”. 

Ħeġġeġ lil dawk li se jqattgħu xi jiem fil-gżira Għawdxija biex iżuru l-presepju ħaj li Għawdex tant sar sinonimu għalih fi żmien il-Milied. 

Bħas-snin l-imgħoddija, dan il-presepju ħaj se joffri taħlita ta’ tradizzjonijiet u snajja’ lokali flimkien ma’ dak kollu li ġeneralment wieħed jassoċja mal-presepju tradizzjonali Malti. 

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli tkellmet dwar l-importanza ta’ attivitajiet soċjali u kulturali sabiex inżommu l-lokalitajiet tagħna ħajjin, filwaqt li niċċelebraw it-tradizzjonijiet ta’ pajjiżna. “Nifraħ u nirringrazzja lill-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem, lill-voluntiera u lil kull min ta s-sehem tiegħu biex din l-edizzjoni tkun oħra ta’ suċċess, speċjalment wara nuqqas ta’ sentejn minħabba l-pandemija”. Hija ħeġġet biex aktar kunsilli lokali japplikaw għal skemi li toħroġ id-Diviżjoni tal-Gvern Lokali minn żmien għal żmien għal attivitajiet kulturali, sabiex jippromwovu l-wirt kulturali tal-lokalitajiet tagħhom kif ukoll iżidu t-turiżmu lokali fil-lokalitajiet u fil-bliet rispettivi tagħhom. 

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm billi rringrazzja lill-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem u lil dawk kollha li taw sehemhom sabiex għal sena oħra setgħet tittella’ edizzjoni oħra ta’ Betlehem f’Għajnsielem. 

Għall-ħinijet tal-animazzjoni tista’ żżur is-sit ghajnsielem.com/bethlehem. 

Sport