Il-Belt Valletta bdiet dieħla fl-atmosfera maġika tal-Milied hekk kif quddiem il-Parlament bdiet tintrama s-siġra tal-Milied filwaqt li f’diversi toroq tal-Kapitali qed jitpoġġew ukoll dekorazzjonijiet u tiżjin ieħor marbut mal-festi tal-Milied.
Wara s-suċċess tas-sena l-oħra, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta reġgħet fdat id-disinn tas-siġra tal-Milied f’idejn Jason Zerafa, Henry Galea u Ryan Pillow.
It-tema magħżula għal din is-sena hija “Is-Siġra tan-Nanna”, kunċett li jġib lura memorji sbieħ tat-tradizzjonijiet Maltin u joħloq sens ta’ nostalġija marbut mat-tfulija tas-snin tmenin u disgħin. Is-siġra se tkun imżejna wkoll b’ornamenti speċjali li wieħed ikun jista’ jammira.
Is-siġra tal-Milied se tinxtegħel nhar l-Erbgħa flimkien mad-dawl tal-Milied fit-toroq.
