Pazjenti bil-kanċer f’Għawdex se jkunu jistgħu jirċievu trattament u kura f’darhom permezz ta’ servizz ġdid

Aqra wkoll

The Marigold Foundation, immexxija minn Michelle Muscat, illum tat it-tielet unit għall-Oncology Outreach Service lill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, bil-għan li pazjenti bil-kanċer ikunu jistgħu jirċievu ċerti trattamenti u servizzi mediċi fil-kumdità ta’ darhom.

Din l-inizjattiva, li qed titwettaq b’kollaborazzjoni maċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, se tnaqqas il-ħtieġa li l-pazjenti jivvjaġġaw ta’ spiss lejn l-isptar, filwaqt li toffri servizzi fosthom teħid ta’ kampjuni tad-demm, manutenzjoni tal-port-a-cath u appoġġ fiżiku, emozzjonali u psikoloġiku.

Il-proġett sar possibbli permezz tad-donazzjonijiet miġbura mill-pubbliku waqt il-kampanja Pink October Movember 2025.

Waqt it-tħabbira f’Għawdex, Michelle Muscat irringrazzjat lill-pubbliku u lill-isponsors għall-kontribut tagħhom. Preżenti kien hemm ukoll id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Ian Borg u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.

Intant, il-fondi li qed jinġabru mill-kampanja ta’ din is-sena se jmorru għal servizz speċjalizzat ta’ trasport għall-pazjenti tal-onkoloġija li jkollhom jivvjaġġaw bejn Malta u Għawdex għat-trattament.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport