Jista’ jkun li d-dispjaċir li l-industrija tilfet daqshekk mill-importanza li kellha bejn is-snin sittin u disgħin tas-seklu l-ieħor hu biss nostalġija. Dak iż-żmien, kienet tirrapreżenta progress fl-akkwist ta’ snajja tekniċi moderni.
Ħaġa naturali li matul is-snin kellhom imutu fabriki bit-tama li oħrajn aktar moderni jispuntaw minflokhom. Dan seħħ imma mhux b’rata qawwija biżżejjed min-naħa tal-ġodda li twieldu. Ukoll, il-prestiġju li qabel kien ikollhom l-industriji tal-manifattura ċkien fost kulħadd. Għax imbagħad, kull attività kummerċjali bdiet titqies bħala “industrija”.
Tajjeb għalhekk li l-ħidmiet industrijali li baqgħu qawwija jingħataw kull wens. Fosthom dawk tat-tiswija u l-manutenzjoni tal-ajruplani (għalkemm titqies bħalha “servizz”), tal-farmaċewtiċi, tal-mikroelettronika u tal-apparat mediku. Ikun tajjeb li nifhmu x’żammhom ħajja, anke biex nitgħallmu fejn u kif nistgħu nibqgħu insostnu kwalunkwe vantaġġ kompetitiiv li għandna fis-swieq internazzjonali.
RIFLESSJONIJIET
Kull tliet xhur, il-magazine “Knisja 2000” tal-komunità Dumnikana qed jibqa’ jkun ta’ interess, anke għal min mhux Kattoliku. Għax hu ppreżentat tajjeb u miktub b’kompetenza. L-aħħar numru ta’ April-Ġunju 2025 għandu bħala tema “Riflessi fuq Kristu”. Il-kontributuri jiddiskutu s-suġġett bis-soltu serjetà muri fil-ħarġiet kollha tal-publikazzjoni.
Huma jikkunsidraw l-interpretazzjonijiet diversi tal-personalità ta’ Kristu kif joħorġu mill-perspettivi tal-iskrittura tat-Testment il-Ġdid, il-kitbiet patristiċi tal-ewwel sekli wara Kristu u pożizjonijiet kontemporanji. Kif ma jistax jonqos, it-trattament hu teoloġiku l-aktar, imma xorta interessanti.
Tabilħaqq, kitba waħda tittratta dwar Kritstu u l-Koran li forsi tindika kif perspettiva usa’ kienet tagħmel effett akbar. Per eżempju perspettiva li kienet tinkludi fehma Lhudija dwar Kristu, mhux l-anqas kif proposta minn kummentaturi kontemporanji Lhud mhux Ortodossi li huma esperti fl-istorja Rabbinika u fit-tradizzjonijiet Ebrajċi ta’ żmien Kristu.
TIFĦIR
Is-summit tan-NATO fl-Olanda ġie preżentat bħala triomf għall-President Trump u għall-għaqda militari kollha kemm hi. Għal Trump għax ingħata dak li xtaq jew kważi: żieda qawwija proposta fil-baġits militari tal-pajjżi membri sa 5 fil-mija tal-ekonomija tagħhom. U għan-NATO għax baqgħet magħquda, bil-President Amerikan jikkonferma kemm hu impenjat favur in-NATO.
Probabbli li dan kollu mhu xejn ħlief duħħan. Fit-tqanżiħ li sar biex tintlaħaq il-mira taż-żieda fil-baġits militari, in-nuqqas ta’ qbil li għadu hemm ġie mgħotti bil-kbir. L-aqwa skoll – dak dwar in-nuqqas ta’ fehma komui fir-rigward tal-gwerra tal-Ukrajna – tħalla fil-ġenb. Fuq kollox u l-agħar, inżammet arja ta’ tifħir lill-President Amerikan biex jiġi paċifikat. L-atmosfera ma kinitx ta’ għaqda militari multinazzjonali ħielsa, imma – skont ir-rapporti li ħarġu – ta’ qima, inċens, tifħir u ubbidjenza lejn imperatur imprevedibbli li ġie jiltaqa’ mas-satrapi tiegħu.