Sunday, December 22, 2024

F’Ottubru li ġej se jkun qed jittella’ l-avveniment sportiv Golden Buckle Barrell Race

Aqra wkoll

F’Ottubru li ġej f’pajjiżna ser jittella’ l-avveniment sportiv Golden Buckle Barrell Race, kompetizzjoni li matulha rikkieba biż-żwiemel iduru ċirkwit bil-għan li jakkwistaw l-aqwa u l-iqsar ħin possibbli.

Dan l-avveniment internazzjonali, li ser ikun mifrux fuq erbat ijiem fil-Malta Fairs and Conventions Centre f’Ta’ Qali, mistenni jinvolvi ’l fuq minn 200 żiemel Ewropew u 100 rikkieb li jinkludu Amerikani, Brittaniċi, Taljani, Ungeriżi, Franċiżi, Slovakki kif ukoll il-parteċipazzjoni ta’ atleta Malti.

Il-Golden Buckle Barrell Race ser tixxandar fuq numru ta’ stazzjonjiet internazzjonali inklużi 3-2-1 Action fl-Istati Uniti u Brasil Rural li huwa wieħed mill-akbar stazzjonijiet popolari tal-isport ekwestriju fl-Amerika Latina, kif ukoll stazzjonijiet televiżivi oħra. Din se tkun promozzjoni qawwija għall-gżejjer Maltin u għal VisitMalta dan ifisser ukoll promozzjoni ma’ madwar 1.5 miljun telespettatur madwar l-Istati Uniti, il-Brażil, l-Awstralja u l-Ewropa.

Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet bil-parteċipazzjoni tal-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, iċ-Ċermen tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia, il-Kap Eżekuttiv ta’ EquestriMalta Max Zammit u d-Direttur ta’ Golden Buckle International Luigi Spina.

Il-Ministru Clayton Bartolo rrimarka li dan l-avveniment jikkonferma kemm huwa importanti li bħala pajjiż ninvestu fit-turiżmu sportiv. “It-turiżmu sportiv m’għandux ikun assoċjat biss ma’ niċeċ popolari imma hemm diversi dixxiplini sportivi li kapaċi jattiraw lejn Malta turisti li l-esperjenza u n-nefqa tagħhom hawnhekk tkun waħda ta’ kwalità u ta’ valur miżjud,” qal il-ministru għat-turiżmu. Huwa żied jgħid li l-investiment kontinwu li qed tagħmel l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu f’inizjattivi sportivi qed ikun ta’ għajnuna biex il-prodott turistiku lokali jkun iżjed diversifikat u sostenibbli.

Il-Ministru Clifton Grima tkellem dwar il-popolarità tat-tiġrijiet taż-żwiemel u l-isport ekwestriju assoċjat f’Malta u qal li f’dan is-settur sar u se jkompli jsir investiment biex din id-dixxiplina sportiva tkompli tikber u tissaħħaħ. “L-investiment mhuwiex biss fl-infrastruttura, imma nedejna wkoll EquestriMalta, awtorità regolatorja għal dan is-settur”, qal il-Ministru Grima. “Din l-awtorità qed tara li dan l-isport jikber u qed issir ħidma wkoll sabiex inpoġġu lil pajjiżna fuq il-mappa dinjija anke fejn jidħol dan l-isport. Għalhekk huwa ta’ sodisfazzjon li nilqgħu f’pajjiżna kompetizzjoni prestiġjuża bħal din li qed inħabbru llum,” temm jgħid il-Ministru Grima.

Ekonomija

Sport