Friday, October 17, 2025

“Four-day week”: esperiment modern jew riskju fuq is-servizz pubbliku u l-ekonomija Maltija?

Minn Mario Fava

Aqra wkoll

F’dawn l-aħħar ġimgħat, il-Kap tal-Oppożizzjoni, Alex Borg, qal li jixtieq jesplora l-possibbiltà li Malta tgħaddi għal sistema ta’ “four-day week”, jiġifieri li l-ħaddiema jaħdmu erbat ijiem fil-ġimgħa minflok ħamsa, mingħajr ma jitilfu mis-salarju tagħhom. Huwa sostna li jekk ikun fil-Gvern, jibda dan il-proġett bħala prova fis-settur pubbliku. Il-proposta tinstema’ moderna, attraenti u soċjali, iżda x’inhuma l-konsegwenzi reali tagħha fuq pajjiż żgħir bħal tagħna, fejn is-settur pubbliku jimpjega eluf ta’ ħaddiema u fejn is-settur privat huwa l-magna vera tal-ekonomija?

Il-kunċett tal-“four-day week” hu mibni fuq l-idea li l-ħaddiema jkollhom ġurnata żejda ta’ mistrieħ fil-ġimgħa, iżda xorta jżommu l-istess paga. Xi pajjiżi naqqsu l-ħin tax-xogħol minn 40 għal 32 siegħa fil-ġimgħa, oħrajn sempliċement iqassmu l-istess ħin fuq erbat ijiem. L-iskop hu li jitjieb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali, tonqos l-għejja u l-istress, u b’hekk tiżdied il-produttività u l-moral tal-ħaddiema. Dan il-mudell, fuq il-karta, jidher attraenti, iżda r-realtà turi li l-effett tiegħu jiddependi ħafna fuq il-kuntest ekonomiku, il-kultura tax-xogħol u s-settur li fuqu jiġi applikat.

F’pajjiżi oħra ġew osservati riżultati differenti. L-Iżlanda kienet minn ta’ quddiem li ppruvat din is-sistema bejn l-2015 u l-2019. L-esperjenza kienet ġeneralment pożittiva, fejn il-produttività baqgħet stabbli jew saħansitra żdiedet, u l-impjegati rrappurtaw livell ogħla ta’ sodisfazzjon personali. Il-Gran Brittanja wettqet prova fuq aktar minn sittin kumpanija fl-2022 u disgħin fil-mija minnhom iddeċidew li jkomplu b’din is-sistema, għalkemm dawn kienu kumpaniji privati flessibbli fejn il-produttività tista’ tiġi mkejla b’mod ċar. 

Spanja u l-Irlanda għadhom qed jittestjaw proġetti simili b’appoġġ tal-gvernijiet rispettivi. Il-Ġappun, min-naħa tiegħu, sab li filwaqt li l-benesseri tal-ħaddiema tjieb, il-produzzjoni naqset f’ċerti setturi li jeħtieġu preżenza kontinwa. Dawn l-esperjenzi juru li s-sistema tista’ taħdem, iżda trid tkun imfassla skont ir-realtà ta’ kull pajjiż, fuq is-suq tax-xogħol, fuq il-kultura u fuq il-kapaċità amministrattiva.

Hawnhekk qegħdin fil-qalba tal-istorja għaliex Alex Borg jista’ jsemmi l-esperjenzi ta’ pajjiżi oħra, iżda ma ppreżenta l-ebda studju, analiżi jew valutazzjoni dwar kif din is-sistema tista’ tiġi adattata għall-kuntest Malti. Fejn hu l-istudju ekonomiku u amministrattiv li juri li Malta tista’ timplimenta “four-day week” mingħajr ma taffettwa s-servizzi pubbliċi? Kif se tiġi evalwata l-produttività? U għaliex qed jibda mis-servizz pubbliku, meta dan huwa l-pedament tas-servizzi kollha li jirċievi kull resident?

Il-proposta li tibda fis-settur pubbliku tista’ tidher loġika, għax “nibdew bi  proġett pilota fejn għandna kontroll sħiħ”, iżda fir-realtà tista’ tkun l-iktar għażla riskjuża. Is-settur pubbliku joffri servizzi essenzjali bħall-edukazzjoni, is-saħħa, l-amministrazzjoni, is-sigurtà u s-servizzi lokali. Jekk l-esperiment jonqos, l-ewwel li jħossu l-effett huma r-residenti. X’se jiġri jekk jonqsu s-sigħat ta’ ħinijiet tal-uffiċċji u servizzi? Kif se jkopru sptarijiet, skejjel u servizzi kontinwi bħall-Pulizija u l-Armata? Se jkun hemm bżonn aktar impjegati biex jinkiseb l-istess livell ta’ servizz? U min se jħallas għal dan?

Hemm ukoll l-element tal-edukazzjoni. L-għalliema, bħala parti mis-settur pubbliku, diġà jgawdu diversi ġranet ta’ mistrieħ matul is-sena skolastika minħabba l-festi u l-vaganzi. Jekk l-iskejjel jidħlu f’din is-sistema ta’ “four-day week”, x’se jiġri mis-sillabu tat-tfal? Il-ġimgħa skolastika diġà hi mfassla b’mod li tiżgura li jitwettaq ammont ta’ tagħlim u ta’ ħin fil-klassi li jlaħħaq mar-rekwiżiti edukattivi Ewropej. Jekk jitnaqqsu ġuranet oħra, dan jista’ jfisser li s-sillabu jkun hemm bżonn jitnaqqas, jew li l-ġranet li jifdal ikunu itwal u aktar mgħaġġla, xi ħaġa li tista’ taffettwa kemm l-istudenti kif ukoll l-edukaturi. Barra minn hekk, ħafna ġenituri jistrieħu fuq il-ġranet skolastiċi bħala parti mill-istruttura tagħhom ta’ xogħol. Jekk l-iskejjel jagħlqu ġurnata oħra fil-ġimgħa, dan jista’ joħloq sfida kbira għal familji li jaħdmu u li jkollhom ifittxu kura alternattiva għat-tfal tagħhom.

Fil-fatt, il-kwistjoni tal-produttività fis-servizz pubbliku hija waħda li ilha teżisti. Ħafna jaqblu li mhux kull min jaħdem fis-servizz pubbliku qed jagħti l-massimu tiegħu. Hemm nuqqas ta’ motivazzjoni, sens ta’ sigurta żejjed u kultura ta’ “mhux importanti jekk nagħmilx kollox illum”. Jekk diġà teżisti din il-mentalità, li tnaqqas is-sigħat tax-xogħol mingħajr titjib fil-prestazzjoni tista’ tnaqqas aktar l-effiċjenza u tikkawża pressjoni fuq ir-residenti. Qabel nintroduċu “four-day week”, għandna nistaqsu jekk hemmx sistema ta’ monitoraġġ tal-prestazzjoni fis-servizz pubbliku u kif se niċċertifikaw li dak li jagħmel ħaddiem f’ħamest ijiem illum ikun qed isir f’erbat ijiem għada.

Fis-servizz pubbliku diġà hemm ħafna benefiċċji. Hemm skemi ġenerużi ta’ leave, teleworking, family-friendly measures, sigurtà fil-post tax-xogħol u ħinijiet flessibbli. Dawn kollha għandhom valur soċjali, iżda diġà qed jaffettwaw il-produzzjoni. Li żżid ukoll “four-day week” jista’ jfisser li l-istat jħallas l-istess flus għal inqas xogħol, u dan f’termini ekonomiċi ma jistax jitqies bħala sostenibbli.

Jekk imbagħad inħarsu lejn is-settur privat, l-effetti jistgħu jkunu aktar gravi. Jekk il-Gvern jintroduċi l-“four-day week”, il-ħaddiema fis-settur privat se jibdew jitolbu l-istess kundizzjonijiet. Il-kumpaniji privati m’għandhomx ir-riżorsi tal-Istat, u għalhekk jekk jaħdmu inqas sigħat tonqos il-produzzjoni. Jekk iżidu l-pagi biex jżommu l-ħaddiema, jiżdiedu l-prezzijiet. Dan iwassal għal tnaqqis fil-kompetittività u żieda fl-inflazzjoni.

Kumpaniji Maltin, speċjalment fl-industriji bħal-logistika, l-ospitalità u s-servizzi finanzjarji, ma jistgħux jaffordjaw li jkollhom preżenza limitata. Jekk Malta ssir inqas effiċjenti, investituri internazzjonali jistgħu jmorru f’pajjiżi oħra fejn is-sistema tax-xogħol tibqa’ stabbli u prevedibbli.

Inqas produttività tfisser ukoll inqas tkabbir ekonomiku u inqas dħul fiskali. Jekk il-Gvern jibda jitlef minn effiċjenza u taxxi, jista’ jkun imġiegħel iżid it-taxxi fuq il-privat jew inaqqas is-servizzi. Dan joħloq ċirku vizzjuż fejn il-pajjiż kollu jbati minħabba tnaqqis fl-effiċjenza tas-settur pubbliku.

Jekk il-Gvern joffri paga sħiħa għal erbat ijiem biss ta’ xogħol, ħafna ħaddiema mis-settur privat jistgħu jfittxu xogħol mal-Gvern għax ikun aktar komdu u sigur. Dan iwassal għal nuqqas ta’ ħaddiema fis-settur produttiv, żieda fil-pagi u, fl-aħħar mill-aħħar, żieda fil-prezzijiet. Bħala konsegwenza, l-istess ħaddiema li jgawdu l-benefiċċji jistgħu jispiċċaw jħallsu aktar għall-għajxien tagħhom.

Fis-settur privat, il-produttività hi l-kejl ewlieni. Jekk tinfirex mentalità li naħdmu inqas imma bl-istess salarji, jista’ jkun hemm dgħufija fit-tmexxija u fil-moral tax-xogħol, ħaġa li pajjiż żgħir bħal Malta ma jiflaħx.

Il-problema ewlenija tibqa’ l-istess: m’hemmx biżżejjed studji jew analiżi konkreta li juru kif din il-politika tista’ titħaddem b’suċċess f’pajjiż bħal Malta. Il-kultura tax-xogħol tagħna hi differenti minn dik ta’ pajjiżi li rnexxielhom japplikaw is-sistema, u ħafna setturi Maltin jiddependu fuq servizzi kontinwi bħas-saħħa, l-edukazzjoni u s-sigurtà. Barra minn hekk, is-settur pubbliku diġà hu mkabbar u l-produttività tiegħu mhix dejjem sodisfaċenti, f’ ċertu setturi. Il-piż finanzjarju fuq il-Gvern u fuq il-kumpaniji privati jista’ jkun sostanzjali jekk ikun hemm bżonn aktar nies biex jikkumpensaw għat-tnaqqis fis-sigħat.

Il-“four-day week” hija idea li tinstema’ progressiva, moderna u umana, iżda politika tajba trid tkun ibbażata fuq studji serji u fuq ir-realtà lokali, mhux fuq retorika. Qabel Malta tħaddem sistema bħal din, irridu nistaqsu jekk hemmx prova li l-produttività tagħna kapaċi żżomm l-istess livelli b’20 fil-mija inqas ħin tax-xogħol, kif se jiġu mkejla u evalwati r-riżultati, u fuq kollox, min jerfa’ r-responsabbiltà jekk dan l-esperiment ifalli.

Pajjiż żgħir bħal Malta ma jiflaħx esperimenti fuq is-sistema li tmexxi kollox. Jekk irridu futur aktar bilanċjat, għandna nibdew bit-tisħiħ tal-effiċjenza, tat-teknoloġija u tal-accountability, mhux bit-tnaqqis fil-ħin tax-xogħol mingħajr provi li l-produttività se żżomm l-istess. Inkella, il-proposta ta’ Alex Borg tista’ tidher sabiħa fuq il-karta, imma fil-prattika tkun esperiment li jiswa ħafna lill-pajjiż, kemm f’termini ta’ flus, kif ukoll f’termini ta’ servizzi u fiduċja pubblika.

Il-Politiċi għandhom jitgħallmu li ma jgħagglux meta jitkellmu fuq proposti li jistgħu jaffettwaw hażin il-ħajja tar-residenti tagħhna.

2 KUMMENTI

  1. Lill Alex Borg nghidlu li l poplu Malti mhux se jaqa ghax xibka tieghek.Int tider li tparla hafna u fatti xejn.Iddiskutejt din lidea ma’s settur tal produzzjoniin se jaghmel.Min se jaghmel tajjeb lill industrial.Int tahseb li l poplu Malti daqsek hu CUC li kieku (allahares qatt) kellek tkun int priministru se tatwa din il mizura.

  2. Dr Alex Borg.Ghadek tifel zghir fil politika.Lewwel net trid timmatura fit tmexxija tieghek.Ara min huma ta madwarek.Ghamel skrutinju tajjeb u sew.Tahsibx li ghax int zaghzugh u helu se tikwadanja xi vot.Int qieghed hemm ghax min huwa pulitiku veru u serju ma jridx jifhol ghad dejn kbir li sar.Ghax ma taghmilx studju sew fuq id dejn (li jista jkun wkoll xi serq)Minn meta beda jsir id dejn?Kien hemm bzonnu.Ghax ghall snin twal il bolla ta l insurance inqattet lill haddiema imma flus intuzaw ghall affarijiet ohra.Min hada din id decizjoni.Lewwel ma trid taghmel huwa li tirranga darek.Wara poggi bil qeda w ahseb sew.Il futur tieghek u tal partit.Ghax il partit qatt ma ippublika linkjesta li saret minn magistrat.X’hemm fija.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport