Sunday, November 24, 2024

“F’pajjiżna għad hawn ftit il-mentalità li l-arti mhi xejn ħlief passatemp”

Avenue Sky - grupp ta’ kantanti lokali

Aqra wkoll

‘Avenue Sky’ -grupp ta’ kantanti lokali li m’għandhom bżonn tal-ebda introduzzjoni u li tul is-snin żviluppaw f’waħda mill-bands ewlenin f’pajjiżna, fejn kulma jmur qed jiksbu suċċess liema bħalu. F’din l-intervista, se nkunu qed insiru nafuhom aħjar.

Kif bdiet l-imħabba tagħkom lejn il-kant u l-mużika?

Qabel ingħaqadna bħala grupp, kollha kemm aħna bdejna bħala solisti u l-vjaġġ tagħna fil-mużika kien differenti ħafna għal kull wieħed minna. Dawn id-differenzi jagħmlu l-grupp dak li hu, għax għalkemm naqblu ħafna, kollha kemm aħna nżidu xi ħaġa differenti fil-grupp.

Minn fejn ġie l-isem ‘Avenue Sky’?

Biex għażilna l-isem użajna sistema demokratika fejn kulħadd kien ħareġ b’ismijiet differenti u vvutajna sakemm intagħżel ‘Avenue Sky.’ Għalkemm forsi wieħed jista’ jinterpretah f’diversi modi, kif ġara matul iż-żmien, l-idea ħarġet mill-fatt li għalkemm kollha ġejjin minn toroq differenti, il-grupp għaqqadna biex naqbdu triq waħda. Forsi dak iż-żmien ma kinitx intenzjonata direttament; iżda, aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qegħdin nindunaw kemm din l-idea t’għaqda tapplika għalina bħala individwi fil-grupp.

Iddeskrivu l-esperjenza tagħkom fil-kant u l-mużika sa issa.

Kollha kantajna individwalment, kollha kantajna f’korijiet u produzzjonijiet teatrali, iżda meta nkantaw bħala grupp hemm xi ħaġa speċjali. Ħafna ma jindunawx kemm hi aktar diffiċli tkanta fi grupp vokali bħalma hu ‘Avenue Sky’, fejn kull individwu jkun qiegħed ikanta xi ħaġa kompletament differenti mill-oħrajn sabiex jingħaqdu l-armoniji li n-nies forsi jafuna għalihom. Nieħdu pjaċir ħafna meta dan ix-xogħol kollu li jsir minn wara l-kwinti jiġi apprezzat u kuntenti ħafna bil-mod kif il-pubbliku sar jinnota u jifhem kemm hemm dedikazzjoni, impenn u ħin wara kull kanzunetta u kull prestazzjoni.

U l-esperjenza tagħkom waqt ‘Mużika Mużika’ matul din is-sena?

Għat-tieni edizzjoni ta’ ‘Mużika Mużika’, ippreżentajna kanzunetta differenti ħafna milli kellna s-sena ta’ qabel u l-pubbliku donnu apprezza l-istil il-ġdid li bħala grupp qegħdin nimxu lejh. ‘Minn Taħt l-Ilsien’ għandha messaġġ partikulari ħafna u b’hekk tqanqal emozzjoni speċjali mhux biss fina kull darba li ninterpretawha, iżda fil-pubbliku wkoll. Huwa sodisfazzjon u unur kbir li tingħata l-Premju tal-Aqwa Interpretazzjoni mill-ġurija professjonali f’festival li tant jattira kanzunetti tajbin u interpretati minn kantanti eċċellenti.

Kemm hu diffiċli li f’Malta tgħix esklussivament permezz tal-kant u l-mużika?

Veru ftit hawn nies f’Malta li jirnexxielhom jgħixu esklussivament permezz tal-kant u l-mużika, u dawk li jirnexxielhom, ma jgħixux kif naraw liċ-ċelebritajiet internazzjonali li jgħixu mill-qliegħ tal-kanzunetti li joħorġu u t-tours madwar id-dinja. F’Malta, d-domanda hija iżgħar allura diffiċli ma jkollokx xogħol ieħor. Barra minn hekk, kull kanzunetta li taħdem fuqha tiġi tiswa lill-kantant ħafna flus peress li f’Malta ma nimxux bis-sistema ta’ record labels li jimpjegaw lill-artisti u allura l-ispejjeż normalment jitħalsu kollha mill-kantanti. Għalkemm żdiedu l-opportunitajiet, ir-realtà hi li diffiċli ħafna tkun tista’ tgħix esklussivament mill-kant.

Beħsiebkom tniedu xi singles jew saħansitra album fil-futur?

Ftit ġimgħat ilu għadna kif ħriġna l-kanzunetta ‘L-Imħabba Li Tlift’ li barra li ħriġniha bħala single, hija wkoll is-sigla tad-drama televiżiva ‘LUNA’ li tixxandar fuq Tokis, l-istazzjon ta’ GO, kull nhar ta’ Ħamis. Proġetti oħra għandna ħafna ppjanati u li noħorġu album jew EP hi xi ħaġa li nixtiequ nagħmlu ’l quddiem. Ma naqtgħux qalbna u xi darba jsir.

Tħoss li f’Malta, il-kantant hu rispettat biżżejjed jew f’pajjiżi oħra, dan hu iktar rikonoxxut?

Mistoqsija li mhux daqshekk faċli tirrispondiha. Bħala rispett, l-ewwel li trid tara hi x’tifhem biha l-kelma rispett. Il-maġġoranza tan-nies fi produzzjonijiet li ħadna sehem fihom urew rispett kbir lejna u dejjem imxew b’mod professjonali magħna. Però, issib minn kollox. Għad hawn ftit il-mentalità li l-arti m’hi xejn ħlief passatemp. Fejn jidħol grupp, sfortunatament, hawn ukoll il-mentalità li tingħaqad ġo grupp għax mhux tajjeb biżżejjed bħala solist. Dan żball kbir li jsir anke minn nies li suppost jifhmu kemm hemm aktar impenn, ħin u studju milli kieku tkanta waħdek. Infatti, il-maġġoranza tal-gruppi li jingħaqdu jispiċċaw jisfaxxaw wara ftit. Forsi l-grupp tagħna b’xi mod kampa dawn is-snin kollha għax kollha kemm aħna konna u għadna nkantaw bħala solisti barra l-grupp, iżda dejjem ħdimna biex ilħaqna kompromess u żammejna l-grupp bħala priorità.

X’inhu l-futur ta’ ‘Avenue Sky’?

Bħala ‘Avenue Sky’ se nkomplu naħdmu fuq materjal ġdid u aktar proġetti għal quddiem. Ħerqana ħafna sabiex inkunu nistgħu naqsmu magħkom aktar kanzunetti u prestazzjonijiet.

Nixtieqkom tgħaddu messaġġ finali lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li bħalkom jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-kant u l-mużika.

Jekk xi ħaġa tagħmlek kuntent jew kuntenta, agħmel minn kollox biex tkun tista’ ddawwar ħajtek magħha – tkun xi tkun. Xejn m’hu ħa jkun faċli, u sakemm m’intix persuna vera ffurtunata, dawn l-affarijiet trid taħdem ħafna għalihom. Dawwar lilek innifsek b’nies bħalek, nies li ħa jissapportjawk u jispirawk. Ħa jiġu mumenti fejn ikollok diżappunti, fejn taqta’ qalbek u tkun trid tieqaf; iżda jekk bħalna, din mhijiex xi ħaġa li lest/a tgħix mingħajrha, trid tkompli tistinka, tkompli taħdem għaliha u tkompli temmen fiha u fik innifsek

Sport