Friday, May 3, 2024

“M’hemmx esperjenza isbaħ milli permezz tal-mużika, issir ħaġa waħda mal-udjenza

Aqra wkoll

Andrew Fiorini Lowell – social worker u vjolinista ewlieni f’pajjiżna li sa minn etá żgħira kien affaxinat b’dan l-istrument. F’din l-intervista, se nkunu qed insiru nafuh aħjar.

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-vjolin?

Minn dejjem kont inħobb il-mużika. Il-ġenituri jirrakkontawli li meta kont għadni tarbija kont niċċassa b’interess kbir lejn xi kunċert minn xi orkestra. Meta għalaqt ħames snin, niftakar li ommi u missieri kienu xtrawli vjolin żgħir u kienu qed ifittxu għalliema biex nibda nitħarreġ. Darba waħda niftakar li smajt diska fuq ir-radju u bdejt indoqq magħha. Hemm indunaw li kelli widna tajba għall-mużika. Minn hemm qatt ma ħarist lura! Niringrazzja lil ommi u missieri, il-mara tieghi u l-għalliema kollha li kelli u li għandi illum għas-sapport li tawni biex inkompli niżviluppa t-talent tiegħi. Taf kemm taf qatt ma taf biżżejjed. Importanti li tkun umli u tibqa titgħallem. 

Kif tara x-xena tal-mużika f’Malta?

Ix-xena mużikali f’Malta qiegħda dejjem tevolvi u iktar ma jgħaddi żmien, iktar hemm opportunitajiet biex muziċisti Maltin jesprimu t-talent taghhom. Importanti peró li nibqgħu naħdmu biex ikun hemm spazju għal kulħadd u li kulħadd jingħata ċ-ċans biex jikber u jesponi t-talent tiegħu fi pjattaformi differenti skont l-istil tal-mużiċist jew kantant.

Għandek xi role model f’ħajtek?

Missieri huwa role model kbir f’ħajti. Ħadem ħafna għall-familja tagħna u anke għal pajjiżna fid-diversi rwoli li okkupa fiċ-Ċivil matul il-karriera tiegħu u dejjem kien umli. Ħadem fis-skiet mingħajr daqq ta’ trombi u jgawdi r-rispett ta’ ħafna. Dejjem inkoraġġieni u stinka biex stajt nitgħallem il-mużika meta kont żgħir. 

Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xoghol tiegħek bhala social worker u mal-mużika?

Il-professjoni tiegħi ta’ social worker teħodli ħafna ħin u enerġija. Jien inħobb inkun ta’ servizz għal ħaddieor speċjalment għat-tfal u ż-żgħażagħ fil-bżonn u għall-familji tagħhom, u li nista’ nagħmel hekk billi nipprattika l-professjoni tiegħi huwa privileġġ u unur. 

Il-mużika nipprova nużaha biex inferraħ u ngħin lil ħaddiehor l-ewwel u qabel kollox. Il- mużika hija għodda terapewtika ħafna. Wara x-xogħol, inkun irrid insib il-ħin għall- prattika u għall-preparamenti għall-proġetti muzikali li nkun involut fihom. Mhux faċli imma l-mużika hija opportunitá biex nistrieħ u wkoll insib lili innifsi u nesprimi lili innifsi. M’hemmx esperjenza isbaħ milli meta tkun quddiem l-udjenza u permezz tal-mużika, issir ħaġa waħda magħhom. 

Nixtieq nista’ niffoka fuq il-mużika full time, imma min jaf, ‘il quddiem forsi? 

Kif qed tħares lejn il-futur tieghek?

Inħares ‘il quddiem biex inkompli nitgħallem u nitħarreġ fit-teknika tal-vjolin. M’inix vjolinist klassiku imma pop violinist. Għandi diversi proġetti għaddejjin fosthom kollaborazzjoni ma’ DJ’s, kantanti u mużiċisti, u dejjem infittex li nikkolabora ma’ artisti u li ngħin żgħażagħ li jkunu interessati fil-mużika biex ikomplu jikbru huma ukoll. 

Għaddi messaġġ finali lil dawk li bħalek jixtiequ jibdew jieħdu bis-serjetá l-mużika f’ħajjithom, speċjalment il-vjolin.

Il-messaġġ tiegħi huwa wieħed sempliċi. Qatt taqta’ qalbek. Il-mużika sabiħa. Lill-ġenituri u min irabbi, ngħidilhom biex dejjem jinvestu fit-tagħlim tal-mużika għat-tfal tagħkom. Is-suġġetti tradizzjonali huma importanti, imma l-mużika hija tabilħaqq importanti wkoll – dejjem ħeġġu lil uliedkom biex jitgħallmuha u jipprattikawha! 

Sport