Hekk kienu kkaratterizzati dawn l-aħħar sentejn tal-Prim Ministru Robert Abela hekk kif ħa f’idejh it-tmexxija tal-pajjiż f’Jannar tal-2020. Il-bidu tiegħu ma kienx wieħed faċli, u x-xhur ta’ wara żgur li ma kinux mingħajr sfidi. Daħal fit-tmun tal-pajjiż fil-mument li d-dinja sabet ma’ wiċċha l-ikbar kriżi fi snin Iżda f’kull sfida li iffaċċja l-Prim Ministru kien hemm ħaġa waħda komuni. Li wara diskussjoni u konsultazzjoni ma’ stakeholders ewlenin f’oqsma differenti, jittieħdu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn.
L-ewwel ftit deċiżjonijiet kuraġġjużi li ħa l-Prim Ministru Robert Abela kienu dwar is-sitwazzjoni politika ta’ dak iż-żmien, bil-ħatra ta’ persuni ġodda f’karigi għoljin kemm fil-Partit Laburista kif ukoll fil-gvern. Skatta proċess tat-tisħiħ tas-saltna tad-dritt u l-governanza tajba fl-istess ħin li l-pajjiż beda jiffaċċja pandemija li kienet qed thedded eluf ta’ impjiegi kif ukoll saħħet il-poplu. Iżda lil hin mill-pandemija tal-Covid-19, f’dawn l-aħħar sentejn Robert Abela kien il-Prim Ministru li mexxa ’l quddiem riformi kbar li wasslu għal Malta iktar ġusta u ugwali. Bir-riformi leġiżlattivi fil-Parlament Malti, pajjiżna introduċa bidliet rivoluzzjonarji bħal dawk li jżidu s-sehem tan-nisa fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, ir-riforma fil-liġijiet tal-kera u fil-liġijiet tal-kannabis. L-amministrazzjoni Robert Abela għamlekr rekord ta’ liġijiet. 165 liġi li jew ġiet finalizata jew bdiet diskussjoni fija. Iktar minn kemm f’ħames snin għamel l-aħħar gvern nazzjonalista.
Fl-istess ħin li f’Malta kienu għaddejjin riformi soċjali kbar, il-Prim Ministru tella’ l-ambjent fuq nett tal-aġenda tal-pajjiż hekk kif identifika dan il-qasam bħala wieħed mill-ħames pilastri li fuqu se jibni l-viżjoni ekonomika ta’ pajjiżna għas-snin li ġejjin. Introduċa għadd ta’ bidliet u inċentivi bil-għan li l-poplu jagħmel iktar għażliet li huma ambjentalment konxji. Tlestew spazji miftuħa biex jitgawdew mill-familji f’ambjent san u nadif. Twaqqaf is-single use plastic, ġie inċentivat t-tħaddir ta’ pajjiżna bi skemi u inizjattivi varji, twaqqfet Ambjent Malta, il-Building and Construction Authority filwaqt li saru investimenti kbar biex Malta tmur lil hinn mill-miżbliet għal ekonomija iktar ċirkulari. Investimenti oħra saru mis-settur privat li kienu turija tal-fiduċja tas-settur fil-gvern immexxi minn Robert Abela. Fl-istess waqt, il-gvern investa fl-infrastruttura tal-pajjiż fis-sens usa tagħha. Dan kollu fi żmien li pajjiżna kien qed jiġġieled pandemija. Iżda r-riżultati f’dan il-qasam ma naqsux, tant li pajjiżna amministra l-vaċċin b’suċċess, bir-rata ta’ vaċċinazzjoni f’Malta tkun waħda mill-aqwa fid-dinja.
Taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela ġie ppreżentat l-ikbar baġit soċjali fl-istorja ta’ pajjiżna filwaqt li fi 22 xahar kienu invedtiti mal-€4 biljun f’għajnuniet b’mod globali, biljun u nofs minnhom għajnuna diretta. Minnhom, €653 miljun ingħataw f’wage supplement lill-intrapriżi. B’hekk ġew imħarsa l-impjiegi u n-negozji. Mhux talli ma ntilfux eluf ta’ impjiegi ta’ ħaddiema Maltin kif kien imbassar, talli pajjiżna rreġistra l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja. Dan filwaqt li żdiedet n-nefqa fuq il-benefiċċji soċjali u naqset id-dipendenza ta’ persuni fuqha.
Is-sentejn ta’ Robert Abela kienu mimlija sfidi. Iżda l-Prim Ministru u l-gvern li jmexxi, għaraf idawwar dawn l-isfidi f’opportunitajiet. L-ekonomija Maltija bdiet tirkupra b’saħħa mill-agħar effetti tal-pandemija u t-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea qed jistma li din is-sena Malta se jkollha l-ikbar tkabbir ekonomiku fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Anke l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu innotaw kif il-gvern qiegħed imexxi l-pajjiż b’mod li jżomm soda l-pożizzjoni ekonomika ta’ Malta filwaqt li jingħelbu l-effetti tal-ikbar sfidi u kriżijiet internazzjonali.
Is-sentejn ta’ Robert Abela kienu fuq kollox sentejt ta’ deċiżjonijiet f’waqqithom li ħarsu saħħet u ħajjet il-poplu. Fit-tmun ta’ dan il-pajjiż sibna Prim Ministru u gvern li mexxew lill-pajjiż fi żmien ta’ inċertezza internazzjonali kbira mingħajr ma tefgħu piżijiet fuq il-poplu. Fuq kollox, il-pajjiż sab Prim Ministru sod, iffukat u determinat li jserraħ ras il-poplu li dan il-perjodu jgħaddi b’wiċċ il-ġid. Hija din l-assigurazzjoni li żammet element ta’ normalità f’ħajjet il-poplu. Ċertament li se tkun din l-istess assigurazzjoni li tgħinna nkomplu ngħixu ħajjitna f’din Malta tagħna.