Thursday, November 14, 2024

Fr Luke Seguna kellu 10 kontijiet f’ismu li fihom daħlu €450,000 f’seba’ snin

Aqra wkoll

Il-Kappillan ta’ Marsaxlokk, Fr Luke Seguna, kellu fuq ismu personali għaxar kontijiet mifruxin ma’ banek lokali differenti, bid-dħul f’dawn il-kontijiet, bejn l-2015 u l-2022, kien ta’ madwar €450,000. Dan l-ammont kien jinkludi wkoll is-salarju tiegħu ta’ Kappillan f’dan il-perjodu (€75,000). Barra minn hekk, huwa kien ukoll firmatarju tal-kont tal-Parroċċa ta’ Marsaxlokk. 

Dan ħareġ mix-xhieda tal-Ispettur Christopher Ellul, stazzjonat l-FCID, hekk kif quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra Fr Luke Seguna li jinsab mixli b’miżapproprijazzjoni, ħasil ta’ flus, frodi kif ukoll falsifikazzjoni ta’ dokumenti.

L-Ispettur Ellul beda biex jgħid li f’Marzu ta’ din is-sena, huwa ġie assenjat bl-investigazzjoni fil-konfront tal-imputat. Qal li l-Pulizija kienet irċeviet informazzjoni li fil-kontijiet tiegħu ġew osservati numru ta’ tranżazzjonijiet li fin-natura tagħhom kemm fil-valur monetarju u t-tip ta’ tranżazzjonijiet li kienu qed isiru ma kinux kongruwi mal-profil finanzjarju ta’ persuna li jokkupa l-kariga ta’ Kappillan ta’ Parroċċa.

Ġie stabbilit li Fr Seguna ilu involut mal-Arċidjoċesi mill-2007 meta daħal bħala seminarista. F’Ottubru tal-2016 huwa laħaq Kappilan tal-Parroċċa ta’ Marsaxlokk, bis-salarju tiegħu jkun ta’ €16,204 u gradwalment kompla tiela’ kull sena.

Il-Pulizija vverifikat ukoll dwar x’assi kellu l-imputat f’ismu. Ġie stabbilit li fit-28 ta’ Diċembru li għadda, Fr Seguna xtara garaxx f’Raħal Ġdid għall-prezz ta’ €34,000. Dan filwaqt li għandu ħames muturi, Land Rover u Fiat 500. Dawn il-vetturi ġew akkwistati fil-perjodu bejn l-2014 u l-2021.

Huwa kompla jispjega dwar il-kontijiet li kellu fuq ismu u l-flus li daħlu f’dawn il-kontijiet. “Fl-2015 u l-2016 daħlu €38,000 u €36,000 rispettivament. Mis-sena 2017 sal-2021 rajna żieda konsistenti ħafna fejn kull sena inqabeż id-dħul ta’ €80,000 fis-sena b’eċċezzjoni tal-2019 fejn kien hemm €72,000,” spjega l-Ispettur Ellul. 

“Osservajna li kien hemm ħafna cash deposits. Ġie stabbilit li b’kollox saru cash deposits li jaqbżu l-€200,000 bejn l-2015 u l-2021. Kien hemm ukoll €130,000 oħra fi dħul maqsuma f’ċekkijiet. Minn dawn ġie osservat li bejn l-2017 u l-2020, €24,000 ġew trasiferti mill-kont tal-Parroċċa ta’ Marsaxlokk, fil-kont tal-HSBC,” kompla x-xhud. “Innutajna wkoll karatterisitiċi importanti fejn ikun hemm id-data, ix-xahar kien qed jinkiteb b’numri Rumani minflok b’numri partikolari.”

Qal li l-Pulizija nnutat l-isem ta’ raġel li ħareġ sitt ċekkijiet f’isem Fr Seguna għal ammont ta’ €15,000. Qal li dan ir-raġel kien jitolbu flejjes biex jagħtihom lil varji karitajiet. 

Minn aktar verifiki ġie stabbilit li r-raġel ġie nieqes is-sena l-oħra u meta nħarġu dawn iċ-ċekkijiet, huwa kien ibati mid-dimensja. Minn korrispondenza ta’ wieħed mill-banek, li saqsa lill-imputat għalfejn il-flus kienu sejrin fil-kont tiegħu u mhux f’tal-Parroċċa, qal li dawk kienu tiegħu personali, €4,000 ngħatawlu f’avveniment meta ċċelebra l-10 snin tiegħu bħala saċerdot u l-oħrajn kienu jingħataw lilu mill-parruċċani.

L-akbar ċekk kien innutat li kien ta’ €34,000 maħruġ mill-Arċidjoċesi. Fr Seguna qal lill-Pulizija li kien applika għal skema mal-Kurja li tagħti ‘loan’ lill-membri tagħha u jinqata’ ammont ma’ kull salarju li jinħareġ. B’dan l-ammont huwa kien ħallas il-garaxx.

Sadanittant fuq il-kont tiegħu tar-Revolut, bejn l-2019 u l-2020, saru tranżazzjonijiet favurih minn xejn inqas minn 47 persuna differenti, li ammontaw għal €6,487. 

L-Ispettur Ellul qal ukoll li b’kollox inħarġu €68,880 f’ċekkijiet minnu għal entitajiet oħra. Ġie nnutat ukoll li f’kont partikolari mal-BOV li ssemma ‘mases’ kienu saru €52,000 f’cash withdrawals, fejn €6,500 intefqu f’ristoranti u €9,300 fi stabbilimenti oħra.

Dwar il-kont tal-Parroċċa ta’ Marsaxlokk, il-Pulizija sabet li bejn l-2014 u l-2016 id-dħul kien dejjem jaqbeż id-€90,000 filwaqt li mill-2017 ‘il quddiem id-dħul kompla jonqos konsiderevolment. 

Il-każ ikompli. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Lianne Bonello u Christopher Ellul, flimkien ma’ Dr Ramon Bonnett Fladden u Andrea Żammit mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukati José Herrera u Matthew Xuereb qed jidhru għal Fr Seguna. 

Ekonomija

Sport