Sittin sena saċerdot mhumiex numri żgħar. Għal ħafna, huma ħajja sħiħa ta’ servizz, ta’ fedeltà u ta’ impenn li jdumu għaddejjin bħala xhieda ta’ kif Alla jaħdem fil-bniedem. Għal Fr Norbert Bonavia, il-milja ta’ dawn is-snin tfisser mhux biss ħajja mimlija xogħol pastorali u ministeru, imma wkoll gratitudni kbira lejn Alla li sejjaħlu u żammu qrib tiegħu tul dawn id-deċennji kollha.
Illum, fl-età ta’ 86 sena, Fr Norbert jirrifletti fuq il-mixja tiegħu b’umiltà u serenità f’intervista li dan il-ġurnal ħadlu, u jgħid ċar u tond: “Grazzja t’Alla. Alla tant ħabbni u tani vokazzjoni tajba għalija. Jien ma naħsibx li kont tajjeb għal xi ħajja oħra, imma Alla tana l-grazzja tiegħu biex insir saċerdot.”
L-ewwel kapitlu ta’ ħajtu bħala saċerdot inkitbet fil-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl, fejn qatta’ mhux inqas minn 39 sena. Hemmhekk, Fr Norbert kien jgħallem, jieħu ħsieb l-aspett spiritwali, u jagħti lilu nnifsu għal dak kollu li kien hemm bżonn. Daqqa jaqdi l-funzjoni bħala għalliem, spiritwali, jew saħansitra bħala figura paterna, il-preżenza tiegħu kienet indispensabbli.
Il-kulleġġ kien ukoll spazju pastorali qawwi, fejn il-kuntatt mat-tfal u ż-żgħażagħ kien għal Fr Norbert wieħed mill-ikbar rigali tal-ministeru tiegħu. “It-tfal iħobbuni ħafna,” jirrakkonta b’tbissima. Uħud minnhom, wara snin ta’ edukazzjoni u formazzjoni taħtu, reġa’ ra waqt l-akbar mumenti ta’ ħajjithom, meta saħansitra żewwiġhom hu stess.
Wara dawn is-snin fil-kulleġġ, Fr Norbert qatta’ 20 sena bħala ċerimonjier djoċesan, fil-qadi tiegħu ma’ żewġ Isqfijiet: Monsinjur Ġużeppi Mercieca kif ukoll aktar tard Monsinjur Pawlu Cremona.
Dwar Mons. Mercieca, Fr Norbert jiftakar il-kawtela u s-sens ta’ responsabbiltà tiegħu: “L-Isqof Mercieca dejjem kien isaqsini xi nkun għamilt bħala priedka. Kien iħobb iċ-ċajt, imma fl-istess ħin kien bniedem li qatt ma kien jagħmel affarijiet bl-addoċċ. Xi drabi kien hemm min ħaseb li m’ għamel xejn, imma fil-verità kien jagħti kas ta’ kollox.”
Bil-kontra, dwar Mons. Pawlu Cremona, Fr Norbert jara fih Isqof tan-nies: “Darba konna f’parroċċa partikolari għall-viżta pastorali. In-nies bdew ikellmuh u ma ridux jieqfu. Kien jidħol lura fl-10 ta’ filgħaxija u jsibhom jistennewh biex iqerru. Kien tassew bniedem pastorali ta’ qalb.”
Wara, Fr Norbert qatta’ tmien snin fid-Dar tal-Irtiri, fejn ikompli jimbotta l-wirt tal-fundatur tas-Soċjetà tiegħu, permezz ta’ formazzjoni u xogħol spiritwali. Illum jinsab fil-kunvent ta’ Sant’Agata, ir-Rabat, fejn minkejja l-età avvanzata, għadu attiv ħafna fil-ħidma tiegħu: jdur il-parroċċi, jaqsam il-Kelma t’Alla, u jibgħat l-appostolat tiegħu lil kull min jiltaqa’ miegħu.
Meta mistoqsi kif jara l-Knisja tal-lum, Fr Norbert juri entużjażmu u tama: “Bil-Papa l-ġdid u ż-żgħażagħ li marru għall-Ġublew, jidher li hemm passi ’l quddiem. Ħaġa sabiħa. Aħna m’għandna bżonn xejn aktar għax għandna l-Knisja li tmexxina, u dik hi barka t’Alla.”
Għalih, il-fatt li ż-żgħażagħ għadhom jaraw fil-Knisja spazju ta’ fidi u ta’ ferħ huwa sinjal li l-Ispirtu s-Santu għadu jaħdem b’mod qawwi fiż-żmien tagħna.
Meta staqsejnieh jekk kienx jerġa’ jagħżel li jsir saċerdot kieku kellu jitwieled mill-ġdid, hu wieġeb b’umiltà: “Jien ngħid bil-maqlub. Alla tant ħabbni u tani vokazzjoni tajba għalija. Ma naħsibx li kont tajjeb għal xi tip ta’ ħajja oħra, imma Alla żammni qrib tiegħu.” Din it-tweġiba turi kemm għalih is-saċerdozju mhux biss għażla personali, imma qabel xejn rigal u grazzja li trid tiġi aċċettata kuljum.
Fr Norbert jitkellem ukoll fuq il-proċess biex il-fundatur tiegħu jkun jista’ jinqata’ bħala qaddis. Hu konxju li l-proċess huwa twil u jirrikjedi l-iskoperta ta’ “fama sanctitatis”, jiġifieri l-fama ta’ qdusija li l-poplu jkun jemmen li l-persuna kienet qaddisa. “Bħalissa għadu l-qaddej ta’ Alla, wara jsir venerabbli, u mbagħad qaddis. Nispera li dan il-proċess ma jdumx wisq.”
L-anniversarju ta’ Fr Norbert ma ġiex iċċelebrat waħdu. Huwa u żewġ saċerdoti oħra minn Birkirkara Fr Constantino Mamo u Mons. Ġużeppi Brincat ġew onorati fl-aħħar jum tat-tridu tal-festa ta’ Santa Liena, li saret il-ġimgħa li għaddiet. F’din iċ-ċelebrazzjoni, immexxija mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, ġie mfakkar mhux biss il-jum tat-60 anniversarju mill-ordinazzjoni tagħhom, iżda wkoll ix-xhieda ta’ ħajja mogħtija għal kollox lil Alla.
Kien mument ta’ ferħ u gratitudni, fejn it-tliet saċerdoti, b’missjonijiet differenti, xorta waħda qasmu l-istess entużjażmu: li jħeġġu liż-żgħażagħ biex ma jibżgħux jiftħu qalbhom għal sejħa ta’ Alla.
Il-Kanonku Noel Borg, fil-paniġierku tiegħu, għamel rabta bejn it-tbatija ta’ Santa Liena u l-isfidi tas-soċjetà tal-lum, fosthom is-solitudni, kemm fl-anzjani kif ukoll fil-ġenerazzjoni żagħżugħa. Huwa saħaq li bħal Elena, li qatt ma tilfet it-tama, il-bniedem ta’ żmienna wkoll irid iħaddan is-salib biex isib fih is-salvazzjoni.
Il-predikatur fakkar ukoll kif Elena, li ħalliet il-kumdità tal-palazz tagħha biex tfittex is-Salib Mqaddes, turi li l-fidi vera tfisser li tħalli warajk kull sigurtà umana u tafda fil-Mulej.
Minkejja kollox illum, wara sittin sena ta’ ħidma, Fr Norbert Bonavia jibqa’ xhieda ħajja ta’ fedeltà, perseveranza u mħabba lejn Alla u l-poplu tiegħu. L-istorja tiegħu ma tagħtix biss ħarsa lejn il-passat, imma ssir ukoll ispirazzjoni għal dawk li llum qed ifittxu l-post tagħhom fil-Knisja.
Il-messaġġ tiegħu jibqa’ ċar: is-saċerdozju mhuwiex xi għażla umana biss, imma qabel kollox rigal u grazzja. U hekk kif hu stess jgħid, “Alla tant ħabbni u tani vokazzjoni tajba għalija,” kliem li jgħaqqad il-ferħ tiegħu ma’ dak ta’ kull min iltaqa’ miegħu f’dawn is-60 sena ta’ ministeru saċerdotali.