Raġel ta’ nazzjonalità Franċiża ġie immultat €2,000 wara li tressaq il-Qorti, fejn instab ħati li waqt li kien qed isuq il-vettura tiegħu, tajjar sewwieq ta’ mutur, bil-konsegwenza li kkaġunalu ġrieħi ta’ natura gravi.
Jean Pierre Antoine Speciel tressaq il-Qorti, fejn kien akkużat li lura għas-16 ta’ Ottubru tas-sena l-oħra, ikkaġuna ġrieħi gravi lil sewwieq ta’ mutur fil-Ħamrun-Marsa bypass.
Huwa kien mixli wkoll li saq karozza b’mod perikoluż u li naqas milli jżomm id-direzzjoni li kien qed isuq fiha. Huwa kien akkużat ukoll li ma għamilx użu mill-indicator sabiex jaqleb id-direzzjoni.
Fil-Qorti, xehed il-vittma, li qal li huwa kien għaddej bil-mutur ma’ martu u li f’ħin minnhom xegħel l-indicator tal-mutur sabiex jaqleb id-direzzjoni u jmur lejn Ħal Qormi. Żied jgħid li dak il-ħin kien hemm karozza sejra lejn direzzjoni oħra li għal xi raġuni ġibdet għal fuqu. Dwar il-ġrieħi li sofra, il-vittma qal li sofra minn ksur u dam madwar tliet ġimgħat ma jmurx għax-xogħol, filwaqt li martu ma ġarrbet ebda ġrieħi.
L-akkużat għażel li jixhed fejn, fix-xhieda tiegħu fil-Qorti, qal li huwa kien għaddej ma’ martu u li kien qed jagħmel użu mill-GPS permezz tal-mobile ta’ martu, li indikalu biex jikser fuq ix-xellug. Qal li ħares fil-mirja u ra karozza warajh u meta kiser kif qallu l-GPS sema’ ħoss fuq in-naħa ta’ wara tal-karozza.
Fost ix-xhieda li xehdu f’din il-kawża xehed Pulizija li dakinhar kien off duty iżda inzerta għaddej mill-istess triq fejn seħħ l-inċident. Huwa qal li ra l-karozza taqleb il-karreġġjata mingħajr mingħajr użu ta’ indicator, bil-konsegwneza li laqtet lill-mutur
Il-Maġistrat Astrid May Grima, li semgħet il-kawża, ikkonkludiet li mill-provi rriżulta li l-akkużat qaleb minn karreġġjata għal oħra mingħajr ma xegħel l-indicator bil-konsegwenza li laqat lill-vittma.
Hija sabet lill-Franċiż ħati tal-akkużi miġjubin kontrih u mmultatu €2,000 waqt li skwalifikatlu l-liċenzja tas-sewqan għal 8 ijiem.