Saturday, July 20, 2024

Franċiż jinżamm arrestat wara li allegatament stupra tfajla

Aqra wkoll

Jules Charles Jean Martin, Franċiż ta’ 19-il sena baqa’ jinżamm arrestat wara li ġie akkużat li allegatament stupra tfajla Belġjana li ltaqa’ magħha waqt li t-tnejn li huma kienu fuq btala f’pajjiżna.

Martin ġie akkużat quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li nhar it-Tnejn li għadda waqt li kien qiegħed f’lukanda f’San Ġiljan stupra lit-tfajla li għandha 18-il sena. Hu ġie akkużat ukoll li wettaq att ta’ natura sesswali mingħajr il-kunsens tat-tfajla.

Fil-Qorti ħareġ li t-tnejn li huma kienu qegħdin f’relazzjoni u kienu sejrin tajjeb flimkien tant li kieku jkunu ħafna fil-kumpanija ta’ xulxin. Intqal ukoll li kellhom ukoll relazzjoni intima bejnithom.

Iżda jidher li t-tfajla kienet opponiet għal wieħed mill-atti sesswali li pprova jwetaq iż-żagħżugħ u wassal biex għamlet rapport lill-Pulizija.

Il-Franċiż wieġeb mhux ħati. F’dan l-istadju d-difiża qalet li mhux se titlob għall-ħelsien mill-arrest minħabba li t-tfajla għad trid tixhed.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Jennifer Polidano mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mgħejjuna mill-Ispetturi Marshal Mallia u Nico Zarb. Għal Martin dehret l-avukat Roberta Bonello Felice.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport