Il-midfielder internazzjonali tal-Ivory Coat, Franck Kessie, sellem lil sħabu u partitarji fil-club ta’ Milan f’post emozzjonanti li tella’ fuq Instagram hekk kif se jingħaqad ma’ Barcelona bi trasferiment ħieles.
“Wara ħames snin mar-Rossoneri ma stajtx nistaqsi aktar li ntemm din l-esperjenza kbira bl-mod aħjar,” kiteb l-Ivorjan.
“Emozzjoni unika – aħna ċ-champions Taljani! Jien kburi li lbist dan il-flokk glorjuż u li qsamt dan il-vjaġġ ma’ sħabi.
“Grazzi ta‘ kollox. Grazzi lilkom ilkoll. Grazzi lil kull min għandu x’jaqsam mal-club.
Kessie, 25 sena, twieled f’Ouragahio fl-Ivory Coast u beda l-karriera tiegħu ma’ Stella Club qabel ma ngħaqad ma’ Atalanta fl-2014. Iżda huwa ma laħaqx il-livell mixtieq u għaldaqstant ingħata b’self lil Cesena u mbagħad lil Milan. Ma’ dawn tal-aħħar tant impressjona li fl-2019 huwa ffirma b’mod permanenti.
Minn dak in-nhar, mal-Milanisti huwa lagħab 223 partita fejn skorja 37 goal u pprovda 16-il assist. Barra minn hekk huwa kien strumentali fir-rebħ tal-Iscudetto ta’ dan l-istaġun.
Barra minn hekk huwa lagħab 52 partita għal pajjiżu.
Fil-ġimgħat li għaddew huwa kien diġá laħaq ftehim mal-Katalani u fi tmiem l-istaġun huwa se jiffirma b’mod uffiċjali.
Bla dubju, dan l-ingaġġ se jagħti saħħa lis-settur ta’ nofs il-ground ta’ Barcelona.