Tuesday, May 14, 2024

OPPOŻIZZJONI F’INĊERTEZZA

Aqra wkoll

L-elezzjoni għall-konferma ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista kienet waħda li qajmet iktar mistoqsijiet milli serħet ras il-membri tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista u l-pubbliku, li bir-raġun qed jara x’tip ta’ Oppożizzjoni se jkollu pajjiżna għall-ħames snin li ġejjin. U saħansitra dan irrelevanti mir-riżultat tal-bieraħ. 

Fl-aħħar ġimgħat rajna kif donnu ma kienx biżejjed għall-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech li ma jkunx ikkontestat kif fil-fatt ġara. M’għandniex xi ngħidu din hi xi ħaġa li tirrifletti sew dwar il-qagħda tal-Partit Nazzjonalista li fuq stħarriġ tal-opinjoni pubblika biddel Kap ta’ Partit u fuq l-akbar telfa f’elezzjoni ġenerali fl-istorja ma kien hemm ebda interess biex tal-inqas ikun hemm min jipproponi alternattiva biex jingħata bidu ġdid u differenti għall-partit. 

Iżda, fl-aħħar jiem komplejna nsegwu manuvri li qatt ma rajna bħalhom f’elezzjoni ta’ din il-portata. Ngħidu li hi elezzjoni ta’ portata għax fl-aħħar mill-aħħar min ikun Kap tal-Partit Nazzjonalista se jokkupa wkoll kariga kostituzzjonali importanti ta’ Kap tal-Oppożizzjoni. 

Meta l-votazzjoni kienet diġa’ bdiet u inqas minn 24 siegħa qabel kellha tkompli l-Kummissjoni Elettorali toħroġ b’regola ġdida. Votazzjoni bi proxy. Fi kliem ieħor dik li tibgħat lil xi ħadd jivvota minflokok. Saru għexieren ta’ elezzjonijiet fil-Partit Nazzjonalista, għal Kapijiet u Viċi-Kapijiet fost oħrajn u manuvra bħal din qatt ma rajna bħalha. Hemm min sostna li din kienet xi sinjal ta’ paniku biex ikun assigurat li kulħadd imur jivvota għall-Kap u hemm min sostna li din kienet manuvra fejn lil min ma marx qalulu ċar u tond li m’għandux skużi biex ma jmurx. Speċjalment meta wieħed jiftakar li l-elezzjoni kienet diġa’ tinkludi proċess ta’ early voting u jumejn oħra ta’ votazzjoni f’dan tmiem il-ġimgħa. Biex min tassew ried jivvota kellu ċ-ċans jagħmel dan f’iktar minn okkażjoni waħda. 

Forsi wieħed jgħid li l-affarijiet interni tal-Partit Nazzjonalista jieħu ħsiebhom il-Partit. Jista’ jkun minnu. Iżda żgur li jirriflettu sew fuq min qed imexxi l-partit illum. Qed naraw Kap inċert iktar milli kien qabel l-elezzjoni ġenerali. Mhux biss għax tilef bl-ikbar telfa fl-istorja, iżda wkoll għax dawk li ġab biex idawruh wara li qaċċat lil Adrian Delia  ħasbu għal rashom billi marru jkomplu xogħolhom band oħra. Għandu wkoll problema ta’ kunflitti u għedewwa li ħoloq minn fazzjonijiet differenti fejn f’mumenti ta’ paniku biex isalva postu m’għamel ebda kalkolu politiku. Xi ħaġa li rajniha kontinwament anke qabel l-elezzjoni ġenerali. Fi kliem ieħor il-Partit Nazzjonalista tilef l-ewwel ċans kbir li kellu biex jiġġedded wara l-ikbar telfa fl-istorja u llum għandna l-iktar tmexxija tal-Oppożizzjoni inċerta. 

Fuq in-naħa l-oħra l-gvern donnu telaq b’ritmu tajjeb biex iwettaq il-wegħdiet elettorali tiegħu. It-tħabbira tal-emendi fil-liġi tal-IVF iktar kmieni din il-ġimgħa kienet pożittiva ħafna. Il-fatt li l-Parlament qed jiddiskuti diġa l-emendi b’rabta mal-femiċidju jixhdu prijoritajiet tajbin. Filwaqt li sinjifikattivi d-deċiżjonijiet biex il-poplu jkun imħares f’mumenti ta’ sfidi internazzjonali. Quddiem l-iktar Oppożizzjoni inċerta l-Gvern m’għandux jieqaf jaħdem biex dejjem jgħolli l-istandards tiegħu, filwaqt li jibqa’ ffokat li jimplimenta l-wegħdi li għamel. Għax dawk l-elf proposta jekk tassew jinbidlu f’elf kisba ġdida, jassiguraw futur sabiħ.    

Sport