Wara t-telfa umiljanti ta’ 4-1 f’darhom kontra Brighton, il-coach ta’ Everton, Frank Lampard, jinsab ferm viċin li jitkeċċa hekk kif jinsabu fuq iż-żona tar-relegazzjoni.
It-tisfira finali ntlaqgħet minn ibbuwjar kontinwu mill-partitarji tat-Toffees … b’Everton jibqgħu b’rebħa waħda biss mill-aħħar logħbiet.
Iżda Lampard se jibqa’ jiġġieled sal-aħħar biex jipprova jdawwar il-fortuni tat-team.
“Kien riżultat diżappuntanti immens,” huwa qal.
“Ikkommettejna l-iżbalji biex l-avversarji setgħu jiskorjaw. Iżda naħseb li l-logħob in ġenerali kien pjuttost maqsum fejn kellna wkoll iċ-ċansijiet tagħna.
“Imma mbagħad tliet goals f’sitt minuti li waslu minn żbalji difensivi, il-partita kienet mirbuħa u mitlufa.
“Dawk is-sitt minuti kienu kompletament kruċjali għal-logħba bi żbalji individwali u kwistjonijiet kollettivi ta’ difiża.
“Dan ir-riżultat ifisser li rridu nkomplu naħdmu aktar biex ninqalgħu min-naħa t’isfel tal-klassifika u nersqu lejn s-salvazzjoni.
“Sakemm għandi l-fiduċja tal-bord, se nibqa’ nagħti l-massimu tiegħi.”