Wednesday, December 25, 2024

Franza bi pjan ambizzjuż għall-Presidenza Ewropea

Aqra wkoll

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet Franza bdiet is-sitt xhur tal-Presidenza tal-Unjoni Ewropea. Franza għandha ppreparat programm ambizzjuż għal Ewropa iktar “b’saħħtiha u sovrana”, iżda dan il-programm mistenni li jkun imxekkel xi ftit bil-pandemija tal-Covid-19 u l-elezzjonijiet Presidenzjali li nżertaw fl-April li ġej. 

Mat-tokki ta’ nofsillejl tas-Sibt Franza ħadet it-tmexxija minn idejn is-Slovenja, li kellha l-Presidenzja tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Wara Franza mbagħad se jkun imiss lir-Repubblika Ċeka li tmexxi għall-aħħar sitt xhur tas-sena. Bħala simbolu tat-trasferimant tal-Presidenza, it-Torri Effel u l-Palazz Elysée ġew mixgħula blu – il-kulur tal-Ewropa. Taħt Arc de Triomphe ġewwa Pariġi ttellgħet ukoll il-bandiera tal-Unjoni Ewropea, ħaġa li ġabet il-kritika ta’ bosta. Il-kandidati Presidenzjali tal-lemin estrem Marine Le Pen u Eric Zemmour qalu li huma jinsabu “rrabjati ħafna” li l-bandiera tal-UE ħadet post dik ta’ Franza fl-Arc de Triomphe. Fid-dawl ta’ dan, is-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ewropej Clément Beaune qal li “ovvjament il-bandiera Franċiża se tkun qiegħda terġa’ tieħu post­ha” fl-Arc de Triomphe.

Il-President Franċiż Emmanuel Macron wiegħed programm ambizzjuż għall-Presidenza Franċiża. F’diskors li huwa għamel fl-Ewwel tas-Sena Macron qal li din il-Presidenza “se tkun qiegħda tagħti importanza lill-fruntieri, id-difiża, it-tibdil fil-klima, l-ugwaljanza bejn is-sessi, bini ta’ alleanza ġdida mal-kontinent Afrikan, tisħiħ tas-superviżjoni fuq l-ikbar pjattaformi tal-internet kif ukoll enfasi fuq l-kultura Ewropea.”

 B’hekk issa għas-sitt xhur li ġejjin, Franza se jkollha influwenza qawwija biex timbotta ’l quddiem ċertu miżuri u ssib qbil fost is-27 Membru Stat tal-UE. Marcon tpoġġa aspettitivi kbar ħafna fuq din il-Presidenza tant li qal li s-sena 2022 se tkun folja ġdida għall-Ewropa. Huwa tenna li jrid Ewropa li tkun iktar b’saħħtiha fl-isfera internazzjonali, totalment sovrana, u ħielsa li tagħmel l-għażliet u tkun hi li tmexxi d-destin tagħha. Fuq kollox, il-Presidenza Franċiża fasslet tliet prijoritajiet ewlenin li huma: l-introduzzjoni tal-paga minima madwar l-Unjoni Ewropea, ir-regolarizzazzjoni tal-ġganti diġitali, kif ukoll il-ħolqien ta’ taxxa tal-karbonju fuq prodotti importanti minn barra l-Ewropa skont l-impatt ambjent tagħhom.  

Ekonomija

Sport