Monday, December 23, 2024

Franza tippjana li tgħolli l-età tal-irtirar għal 64 sena

Aqra wkoll

Il-Gvern Franċiż qed jipproponi li jgħolli l-età tal-irtirar minn 62 għal 64 sena sal-2030 f’dik meqjusa bħala riforma kbira fis-sistema tal-pensjonijiet.

Il-Prim Ministru Elisabeth Borne qalet li l-bidliet kienu meħtieġa sabiex jiġi evitat defiċit kbir f’din is-sistema fil-futur. Ir-riforma fil-pensjonijiet kienet waħda mill-wegħdiet ewlenin tal-President Emmanuel Macron meta ġie elett għall-ewwel darba fl-2017.

Din it-tħabbira iżda wasslet għal rispons mill-unjins, li qed jippjanaw strajks fid-19 ta’ Jannar. L-immaniġġjar ta’ Borne ta’ riforma bħal din kienet waħda kawta, hekk kif ħabbret il-proposti f’konferenza tal-aħbarijiet.

Hija qagħdet attenta biex tenfasizza n-natura gradwali u progressiva tal-bidliet ippjanati, b’appoġġ żejjed għal dawk bl-inqas pensjonijiet. Iżda, kif ammettiet hija stess, ir-riforma kienet “Se tqajjem biżgħat u mistoqsijiet fost il-poplu Franċiż”.
Stħarriġ riċenti ssuġġerixxa li 80% tal-popolazzjoni hi kontra li l-età tal-irtirar titla’ għal 64 sena. Xi membri parlamentari saħansitra tefgħu l-ħtija fil-politika ta’ Macron li tellfet il-maġġoranza parlamentari s-sena l-oħra.

Li ma tagħmel xejn dwar id-defiċits proġettati għas-sistema tal-pensjonijiet ikun “irresponsabbli” qalet is-Sinjura Borne. “Inevitabbilment dan iwassal għal żieda massiva fit-taxxi, tnaqqis fil-pensjonijiet u jkun ta’ theddida għas-sistema tal-pensjonijiet tagħna.”

Ġie propost li l-età tal-irtirar se tiżdied gradwalment bi tliet xhur kull sena, li tibda f’Settembru. Sal-2027, din se tilħaq it-63 sena u tliet xhur, bil-mira ta’ 64 sena tintlaħaq fl-2030.

Ekonomija

Sport