Saturday, November 23, 2024

Franza tipprojbixxi lbies tipiku Musulman fl-iskejjel tal-Istat

Il-libsa twila u wiesgħa “abaya” titneħħa wkoll…

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Franza għandha regoli stetti ħafna dwar ilbies u sinjali oħra li jiddistingwixxu reliġjon fl-iskejjel tal-Istat tagħha u l-binjiet tal-gvern. Wara li l-maktur tipiku li jilbsu l-bniet u n-nisa Musulmani li jgħattilhom wiċċu kompletament, ġie pprojbit fl-2004 fl-iskejjel tal-Istat, issa tħabbar li l-istudenti Musulmani bniet ma jistgħux jilbsu l-libsa twila u wiesgħa magħrufa bħala l-“abaya”.

Din ir-regola ġdida se tidħol fis-seħħ immedjatament hekk kif tibda l-iskola f’dan il-pajjjiż, jiġifieri fl-4 ta’ Settembru. “Meta tidħol fil-klassi, m’għandux ikun il-każ li tidentifika r-reliġjon tal-istudenti sempliċiment għax tħares lejhom. Iddeċidejt li l-abaya ma tistax tintlibes iktar fl-iskejjel,” spjega l-Ministru tal-Edukazzjoni Franċiż, Gabriel Attal.

Din id-deċiżjoni ttieħdet wara xhur ta’ dibattitu fuq dan it-tip tal-lbies fl-iskejjel Franċiżi li maż-żmien sar aktar jintlibes mill-istudenti Musulmani. Konsegwenza ta’ dan kien hemm nuqqas ta’ qbil bil-politiċi ta’ dan il-pajjiż. Attal f’intervista saħaq li s-sekulariżmu jfisser il-libertà li temanċipa permezz tal-edukazzjoni mogħtija fl-iskejjel. Minnu nnifsu, l-użu tal-abaya huwa ġest reliġjuż li jirreżisti dak li tikkostitwixxi l-iskola”.

Min-naħa tiegħu huwa assigura li se jgħaddi struzzjonijiet ċari fuq livell nazzjonali fir-rigward qabel tibda s-sena skolastika l-ġdida.

Fl-2010 Franza pprojbit l-użu tal-velu li jgħatti l-wiċċ kollu fil-pubbliku, mossa li pprovokat u rrabjat lill-ħames miljun Musulmani li jgħixu fil-komunità. Dan il-pajjiż ilu b’regoli stretti kontra sinjali reliġjużi fl-iskejjel mill-bidu tas-seklu 19 u dawn jinkludu projbizzjoni ta’ simboli Kristjani fosthom slaleb kbar.

Sport