Friday, October 25, 2024

Kuntentizza ċara fuq wiċċ ir-residenti ta’ Dar Nazareth

... Ftit kliem imma ħafna tbissim f’kummenti qosra li tawna dawn l-anġli

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Ix-xogħol tal-ġurnaliżmu jiftaħlek dinja ġdida u jlaqqgħek ma’ diversi persuni nklużi dawk distinti u popolari li intervisti magħhom huma parti minn xogħlok. Iżda, is-sabiħ tax-xogħol tagħna mhuwiex li tħossok importanti għax qiegħda wiċċ imb’wiċċ ma’ personalitajiet jew politiċi kbar, imma li tkun fost nies minn kull mixja tal-ħajja li jgħixu ċirkostanzi differenti. Dawn, barra li jgħallmuk u jiftħulek għajnejk għal ħafna sitwazzjonijiet, jgħinuk anke tikber professjonalment u fil-formazzjoni personali. Xi drabi, tiġik ix-xorti li wkoll jimlulek qalbek bil-ferħ. 

Hekk kienet l-esperjenza tagħna f’Dar Nazareth fiż-Żejtun wara li tkellimna ma’ Dun Anġ Seychell dwar il-maratona ta’ ġbir ta’ fondi “Bis-Saħħa ta’ Kulħadd”. Kif poġġejna fuq il-mejda tal-kċina mdawwra b’uħud mir-residenti, li għall-bidu kienu xi ftit mistħija, innotajna li ma damux biex ħassewhom komdi biżżejjed magħna. Dawn bejn ċajta, kelma ta’ wens u attenzjoni xierqa, saħansitra ħassewhom kuntenti jitkellmu magħna tant li kważi kważi ma rieduniex li nitilqu. 

Fin-nofs siegħa li qattajna nitkellmu magħhom poġġewlna fuq wiċċna tbissima liema bħalha u hawn nifhmu lil Dun Anġ… Nifhmu l-missjoni tiegħu, l-imħabba li jħoss, kif ukoll il-grinta li għandu biex jgħin lil dawn il-persuni b’diżabilità. 

Aktar milli naraw id-diżabilità, għandna naraw l-abbiltà kbira li għandhom dawn l-anġli li juru mħabba ġenwina lejn il-proxxmu u l-imħabba li għandhom lejn il-ħajja li hija bi dritt tagħhom. Dawn huma l-kummenti minn tmien residenti f’Dar Nazareth bi tnejn minnhom jesprimu xewqat żgħar li nittamaw xi ħadd ikun ta’ qalb tajba biżżejjed biex jagħmlilhom realtà:

Tessie Galea: 

Tessie għandha 63 sena u hija oriġinarjament mill-Birgu. Hija kienet tgħix Raħal Ġdid u għandha żewġ ħutha bniet Doris u Nina u ħuha Pawlu li jgħix il-Kanada. L-hena tagħha huma x-xogħol tas-suf u t-tpinġija. Tessie tbati biex timxi.

“Dħalt hawnhekk meta kelli 53 sena u ninsab kuntenta ħafna għax ma jonqosni xejn. Siegħa l-care workers u anke Dun Anġ, jieħdu ħsiebi ħafna. Ngħixu f’ambjent ta’ familja. Ix-xewqa li għandi hija li niltaqa’ ma’ Ian Busuttil li jagħmel il-programm “Gadgets” għax nammirah ħafna u nsegwih dejjem”.

Sandra Bonnici:

Sandra għandha 54 sena u hija Żejtunija. Jogħobha ħafna li tgħix f’Dar Nazareth u l-hena tagħha tnaddaf. Hija mara xummiema li ħadd ma jista’ jmissilha l-ħasil tal-platti u t-tiwi tal-ħwejjeġ. Sandra ilha tgħix f’din ir-residenza mal-20 sena u hija waħda minn tal-bidunett.

“Kont ngħix f’San Vincenz sakemm ħariġni minn hemm Dun Anġ. Kuntenta ħafna li ngħix hawn… Hawn tgħallimt x’jiġifieri tgħix ma’ familjaa. Bl-affarijiet żgħar jagħmluni kuntenta li ngħix hawn. Issa… eħles ixrob il-kafè ħalli naħsel dik it-tazza”.

Joseph Fabri:

Għandu 50 sena u huwa minn San Ġwann. Joseph ilu jgħix f’Dar Nazareth għal dawn l-aħħar sentejn. Kien jgħix mal-ġenituri tiegħu sakemm dawn kibru fl-età u riedu jsibulu post u ambjent fejn seta’ jingħata l-kura u l-attenzjoni li kellu bżonn. Huwa tifel waħdu. L-aktar ħaġa li tispikka fih hija t-tbissima kbira u kontinwa fuq wiċċu. Minn kliem il-carer, ‘Joseph dejjem jidħak, jinbex u jiġri magħna’.

“Inħobb ħafna l-karozzi klassiċi… Anke jeħduni nara x-shows. Il-papa kull darba jġibli l-kotba tal-karozzi. Ix-xewqa tiegħi hija li jkolli mudell sabiħ aħmar ta’ karozza tat-tip Escort”.

Martin Rotin:

Martin għandu 37 sena u għandu l-kundizzjoni tal-Awtiżmu. Huwa kwiet ħafna u indipendenti sew tant li jmur waħdu b’tal-linja r-Rabat għand ommu. Minħabba li ma jikkomunikax ħafna l-carer qaltilna li Martin iħobb jirranġa l-affarijiet tiegħu b’mod organizzat u sistematiku ħafna. Huwa ilu madwar 19-il sena magħhom.

“Inħobb niekol il-fenek.”

Paul Saliba:

Bl-età ta’ 67 sena, dan huwa l-aktar resident anzjan tant li f’Dar Nazareth isejħulu ‘l-missier tagħna’. Oriġinarjament Paul huwa minn Raħal Ġdid u ilu f’din id-dar għal madwar 17-il sena. Kull nhar ta’ Sibt filgħaxija huwa joħroġ ma’ ħutu u jmur jiekol il-pizza f’Marsaxlokk.

“Inħossni tajjeb ħafna tant li hawnhekk ma nibdlu ma’ xejn. Jekk jogħġobkom, għejnuna fil-maratona”.

Lina Mangion:

Lina għandha 62 sena u hija mill-Isla. Hija dejjem iddur u tmur tixtri għand tal-grocer. Lina hija residenti indipendenti f’kollox u tiltaqa’ ma’ ħuha fl-attivitajiet li jorganizzaw ta’ spiss il-Fondazzjoni fosthom BBQs, fi ħruġ varji u f’organizzazzjonijiet ta’ festini.

“Ili hawn erba’ snin. Qabel kont ngħix mas-sorijiet għax trabbejt hemm. Għandi ħija f’dar oħra tal-Fondazzjoni. Inħossni kuntenta ħafna hawn. Il-carers qishom ħuti”.

Marisa Farrugia:

Hija daqt tagħlaq 44 sena u ilha f’Dar Nazareth għal dawn l-aħħar sentejn. Oriġinarjament hija mill-Qrendi u trabbi fenek fid-dar tal-ġenituri tagħha.

“Jien ukoll kuntenta ħafna hawn għax għandi l-ħbieb u d-dar hija sabiħa. Monica (il-carer li tmexxi d-dar) hija l-aqwa koka”.

Joseph Micallef:

Għandu 47 sena u proprja huwa minn Ħaż-Żebbuġ. Joseph ukoll huwa residenti minn tal-bidunett f’Dar Nazareth. Prattikament, trabba hemm. Huwa indipendenti ħafna u jekk titolbu pjaċir, magħruf li jaqdik mill-ewwel u mill-qalb.

“Inħossni sewwa ħafna hawn. Jien inħobb naqdi lil Dun Anġ billi mmur nixtrilu l-gazzetti u li jkollu bżonn. Kont Monte Carmeli imma aħjar hawn. Jiena nħobb ħafna nisma’ l-kanzunetti speċjalment ta’ Celin Dione għax inħobbha ħafna”.

Bis-“Saħħa ta’ Kulħadd” il-ħolma ta’ Dun Anġ tista’ ssir realtà…
U ngħinu 12-il persuna b’diżabilità oħra

Il-maratona ta’ ġbir ta’ fondi “Bis-Saħħa ta’ Kulħadd” se ssir nhar il-Ħadd li ġej biex ngħinu fil-ftuħ tar-raba’ dar għall-persuni b’diżabilità, kif ukoll fi spejjeż marbuta mat-tlett idjar l-oħra diġà eżistenti li fihom jgħixu 30 residenti.
Din il-maratona se tixxandar bejn il-11.00 ta’ filgħodu u tibqa’ sejra sal-11.00 ta’ filgħaxija. Il-poplu Malti, hawnhekk huwa mħeġġeġ jgħin biex il-ħolma ta’ dan is-saċerdot Żejtuni, issir realtà. Ħolma li minnha se jgawdu 12-il persuna b’diżabilità oħra.

1 kumment

  1. Ghandikun nardu l grieg nesa lill dik taz zejtun li kienet tirrangalek kollox laqwa li tivvota l pn.Sewwa jghid il qawl Malti BIEX TISKONGRA TRID TKUN PUR.Nesa lill kapo dwardu li mar jiltaqa ma zeppi taht il pont ta San Gwann.Komplu tqalbu ghax baqalkhom hafna snin izjed xtokorbu.

Comments are closed.

Sport