Tuesday, November 24, 2026
Home Sport Il-kampjonati tal-football Għawdxi għall-istaġun 2026/27 b’xenarju interessanti … Għajnsielem fil-quċċata tal-Ewwel Diviżjoni...

Il-kampjonati tal-football Għawdxi għall-istaġun 2026/27 b’xenarju interessanti … Għajnsielem fil-quċċata tal-Ewwel Diviżjoni u Għarb Rangers b’rekord perfett fit-Tieni Diviżjoni

0
51

Minn Cristian Muscat

Il-kampjonati tal-football Għawdxi għall-istaġun 2026/27 qed joffru xenarju interessanti, b’Għajnsielem fil-quċċata tal-Ewwel Diviżjoni u Għarb Rangers b’rekord perfett fit-Tieni Diviżjoni.

Wara l-ewwel sitt partiti tal-ogħla kategorija, Għajnsielem fetħu vantaġġ ta’ ħames punti, filwaqt li Għarb Rangers kisbu erba’ rebħiet minn erbgħa.

Minbarra l-ġlieda għall-punti, diversi attakkanti qed jagħtu kontribut importanti lit-timijiet tagħhom, fosthom Ibrahim Salis, Isaías Cruz, Jhon Alejandro González, Brian Parada u Roberto Monteiro Rondinely fl-iskwadri rispettivi tagħhom.

Fl-ewwel diviżjoni, Għajnsielem jinsabu fl-ewwel post bi 15-il punt wara ħames rebħiet u telfa waħda. Skorjaw 12-il gowl u sofrew ħamsa biss, bilanċ li juri organizzazzjoni tajba fiż-żewġ fażijiet tal-logħob.

Fost ir-rebħiet importanti tagħhom insibu dawk kontra Kerċem Ajax 3-2, SK Victoria Wanderers 2-0 u Xewkija Tigers 1-0. L-unika telfa waslet kontra Qala Saints, iżda r-reazzjoni kienet immedjata b’rebħa ta’ 3-2 fuq Xagħra United.

Wieħed mill-plejers offensivi li spikka huwa Jhon Alejandro González Castillo, li għandu erba’ gowls fil-kampjonat. Huwa sab ix-xibka wkoll fir-rebħa importanti kontra Kerċem Ajax.

Il-vantaġġ ta’ Għajnsielem mhuwiex ibbażat biss fuq il-gowls, iżda wkoll fuq il-kapaċità li jiksbu riżultati pożittivi f’konfronti bilanċjati.

Fit-tieni post hemm iċ-champions renjanti Kerċem Ajax b’għaxar punti. It-tim skorja 13-il gowl, l-ogħla ammont fl-Ewwel Diviżjoni, iżda sofra disgħa.

Ir-rebħa ta’ 5-1 kontra Xewkija Tigers uriet il-potenzjal offensiv ta’ Kerċem, li għandhom lil Isaías Cruz fost l-aktar plejers perikolużi.

Cruz jinsab fost l-aqwa skorers tal-kampjonat, b’sitt gowls. Huwa kien ukoll fost l-iskorers fit-telfa ta’ 3-2 kontra Għajnsielem.

Madankollu, Kerċem iridu jtejbu l-konsistenza difensiva tagħhom. L-istatistika ta’ tliet rebħiet, draw u żewġ telfiet juru li għadhom qed ifittxu l-istabbiltà meħtieġa biex jisfidaw serjament għal-ewwel post.

Qala Saints għandhom ukoll għaxar punti, iżda l-karatteristika ewlenija tagħhom hija d-difiża. Sofrew ħames gowls biss, daqs Għajnsielem, għalkemm skorjaw sitta.

Roberto Monteiro Rondinely huwa wieħed mill-aktar plejers importanti fl-attakk tagħhom. L-eks skorer prolifiku ta’ Victoria Hotspurs skorja kontra Xagħra United fid-draw ta’ 2-2 u jinsab fost l-attakkanti li qed jispikkaw fil-kampjonat.

Qala għandhom ukoll il-mertu li kienu l-uniku tim li rnexxielu jegħleb lil Għajnsielem, b’rebħa ta’ 1-0.

SK Victoria Wanderers jinsabu fir-raba’ post, ukoll b’għaxar punti. Huma skorjaw tmien gowls u sofrew disgħa.

Mustapha Amodu huwa fost il-plejers offensivi li qed jagħtu kontribut lill-Wanderers, bi tliet gowls.

Il-Wanderers kisbu rebħiet kontra Qala Saints, Sannat Lions u Xagħra United, iżda jridu jtejbu l-bilanċ difensiv biex iżommu l-pass mal-ewwel timijiet.

Xewkija Tigers jinsabu fil-ħames post b’disa’ punti wara tliet rebħiet u tliet telfiet.

Brian Alejandro Parada huwa fost l-aktar attakkanti li qed jispikkaw, b’erba’ gowls fil-kampjonat. Huwa skorja doppjetta fir-rebħa ta’ 5-2 kontra Sannat Lions, partita li fiha Matthias Said ukoll sab ix-xibka darbtejn.

Xewkija skorjaw għaxar gowls iżda sofrew l-istess ammont, fatt li juri l-ħtieġa ta’ aktar konsistenza.

Fil-parti t’isfel tal-klassifika, Xagħra United għandhom erba’ punti u Sannat Lions tlieta.

Minkejja l-pożizzjoni ta’ Xagħra, Ibrahim Salis qed ikun wieħed mill-aktar attakkanti produttivi, b’sitt gowls.

Sannat Lions, min-naħa tagħhom, għandhom lil Yeangel Emilio Montero Manzano fost l-iskorers ewlenin, bi tliet gowls, iżda l-14-il gowl li sofrew qed jagħmlu l-ħajja diffiċli lit-tim.

Fit-Tieni Diviżjoni, Għarb Rangers qed jiddominaw bi 12-il punt minn erba’ partiti. Skorjaw 14-il gowl u sofrew tlieta biss.

Ir-rebħiet kontra Munxar Falcons u Oratory Youths, it-tnejn 3-1, ġew segwiti minn suċċess ta’ 5-0 kontra St Lawrence Spurs u ieħor ta’ 3-1 kontra Nadur Youngsters.

Wieħed mill-protagonisti huwa Haraan Hajazan Goncalves Barbosa, li spikka partikolarment kontra Nadur Youngsters. Huwa skorja gowl u kien kontinwament ta’ periklu għad-difiża avversarja.

F’dik il-partita, Delan Saliba skorja wkoll, filwaqt li l-ewwel gowl wasal minn awtogowl ta’ Sylvan Xuereb wara azzjoni ta’ Goncalves Barbosa.

Il-qawwa offensiva ta’ Għarb tidher ukoll fil-medja ta’ 3.5 gowls kull partita.

Oratory Youths jinsabu fit-tieni post b’sitt punti minn tliet partiti, b’żewġ rebħiet u telfa waħda.

Lucas Alexandrini Barcik kien il-protagonista fir-rebħa ta’ 2-0 kontra Munxar Falcons, meta skorja ż-żewġ gowls, wieħed minn penalty u l-ieħor fil-ħin miżjud. Dan il-plejer żagħżugħ Brażiljan qed ikun protagonist f’kull logħba li qed jilagħbu t-tim mill-kapitali Għawdxija.

Munxar Falcons u Nadur Youngsters għandhom tliet punti kull wieħed. Munxar rebħu kontra St Lawrence Spurs 4-0, filwaqt li Nadur għelbu lill-istess avversarji 2-1.

Fl-aħħar post jinsabu St Lawrence Spurs, li għadhom mingħajr punti wara tliet partiti, b’gowl wieħed skorjat u 11 kontra.

Bla dubju li fattur ieħor f’dawn iż-żewġ kampjonati huma l-partitarji tat-timijiet rispettivi li f’kull logħba baqgħu jikkonkorru u dan jagħmel il-futbol Għawdxi wieħed spettakolari.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here