Tuesday, April 16, 2024

Frar … ifawwar il-bjar

Aqra wkoll

Hekk jgħid il-Malti.  Għalkemm Frar li għadda kien wieħed niexef qoxqox, għax lanqas qatra xita ma għamlet, ma nistgħux ngħidu hekk għall-aħbarijiet.  Dan għaliex Frar kien mimli aħbarijiet.

Filwaqt li Jannar kien dominat mill-Partit Laburista, Frar kien dominat mit-taqlib li sar fil-Partit Nazzjonalista.  Id-differenza kbira kienet li filwaqt li t-taqlib fil-Partit Laburista ġab trankwillita’ u ħeġġa ġdida, fil-Partit Nazzjonalista ħarġu x-xquq li għalkemm kulħadd kien jaf bihom, qabel Jannar, ħafna minn ġol-Partit Nazzjonalista kienu jiċħduhom.  

Din id-darba l-affarijiet kienu differenti għaliex esponenti kbar fil-Partit Nazzjonalista mhux biss ammettew li hemm il-firda, iżda taw ħafna tagħrif dwar dan.  Dan it-tagħrif wera li l-qsim fil-PN hu wieħed kbir.  Tant hu hekk li dan il-qsim ġie deskritt minn ħafna bħala terrimot u oħrajn pinġewh bħala kolp ta’ stat fi ħdan il-PN.  Dan minkejja li min kien ġab u baqa’ jġib il-firda fil-PN kien qed jiċħad li hemm xi qsim fil-Partit  Mhux tal-iskantament meta lanqas għadu rrealizza għaliex tilef l-elezzjoni tal-2017 b’distakk daqshekk kbir.

Naħseb li ż-żewġ frażijiet, terrimot u kolp ta’ stat, huma korretti.  Terrimot minħabba r-riżenji li kien hemm.  Meta fost oħrajn jirreżenjawlek is-Segretarju Ġenerali u Viċi Kap minn partit, ma naħsibx li l-kelma ‘terrimot’ hi esaġerata.  Dan speċjalment meta wieħed iqis li r-raġunijiet li taw dawn, għaliex irreżenjaw, kienu kollha dwar il-qsim li hemm.  

Min-naħa l-oħra, kien hemm kolp ta’ stat fi ħdan il-PN.  Dan għaliex il-mexxej li ġie magħżul demokratikament mill-PN, mhux talli mhux aċċettat min-numru ta’ deputati parlamentari nazzjonalisti iżda saru manuvri biex itajruh u meta ma rnexxilhomx, għamlu bsaten fir-roti biex ma jirnexxix, b’riżultat li ġie isolat minn uffiċjali li kienu qed jaħdmu miegħu għax dawn ġew sfurzati jirriżenjaw.  Jidher li dan ma kienx biżżejjed għaliex issa qed idawruh b’uffiċjali li ma jaqblux miegħu u qed jirranġaw l-istrutturi biex litteralment iġibuh ‘puppet on a string’.  

Dan qajjem ħafna mistoqsijiet fuq il-prinċipji li jħaddnu dawn id-deputati parlamentari.  Dan għaliex jekk int temmen fid-demokrazija, int trid taċċetta riżultat ta’ elezzjoni.  F’dan il-każ, mhux talli l-mexxej preżenti ġie elett b’mod ċar, iżda dan reġa’ ġie kkonfermat għal darba darbtejn.  Din is-sitwazzjoni mhux talli titfa’ dell ikrah fuq dawn il-membri parlamentari, iżda wkoll fuq il-PN, għaliex tqajjem il-mistoqsija jekk il-PN japplikax fil-prattika il-prinċipji li jgħid li jħaddan.  Issa jekk partit mhux kapaċi jżomm mal-prinċipji tiegħu, kemm tista’ tafdah biex iwettaq il-wegħdiet li jagħmel fil-programm elettorali.  

Tajjeb li naraw daqsxejn kif żviluppat din is-sitwazzjoni.  L-ewwel kellek it-telfa tal-PN fl-elezzjoni tat-2013.  L-ewwel problema kienet li t-tmexxija u l-membri parlamentari nazzjonalisti ma aċċettawx li ċ-ċittadini ma qablux mal-politika tagħhom.  Tant ma aċċettawx li lanqas riedu jagħmlu analiżi għaliex ġarrbu dik it-telfa.  Dan sar għax jemmnu li huma kienu korretti f’dak li mexxew fil-kampanja elettorali u kien għax in-nies huma injoranti li ma telgħux.

It-tieni żball kien meta ġew biex jagħżlu kap ġdid.  Minkejja li jidher li kien hemm dubji jekk kellhomx jaċċettaw lil A Delia bħala kandidat, minħabba li kien ġie akkużat minn DCG b’ħasil ta’ flus, il-kumitat responsabbli aċċettah.  Għalhekk hi assurda li l-aktar kritika ħarxa kontra Delia fuq din l-akkuża ġiet mill-partit tiegħu stess.  Mhux talli hekk, talli n-nies li aċċettawh bħala kandidat qed jaħdmu kontrih.  

Żewġ żbalji ta’ wara ġew minn Delia stess.  L-ewwel żball kien li minkejja li ħafna mill-grupp Parlamentari mhux biss kien kontrih iżda kien qed jaħdem biex itajru, Delia m’għamel xejn.  Qagħad biss jaqla’ d-daqqiet.  Waħda mill-affarijiet li kellu jagħmel kien li, fuq l-inizjattiva tiegħu, jerġa’ jikseb vot ta’ fiduċja minn min tellgħu.  Li kieku ma ħalliex din il-mossa għal meta kien dahru mal-ħajt, kien ikun f’pożizzjoni ħafna aktar b’saħħitha.

It-tieni żball kien li minkejja li suppost kellu jbiddel il-politika tal-PN, minn dan m’għamel xejn.   Anzi kompla saħħaħ lil min kien qed jopponih għax mexa fuq il-politika tagħhom minkejja li din ġabet l-akbar żewġ telfiet li qatt ġarrab il-PN f’elezzjoni ġenerali. 

Minħabba dan in-nuqqas, kellu jkompli jaqla’ d-daqqiet u tfixkil mill-grupp Parlamentari.  Tant kienu mitlufa f’xulxin u tant kienu persistenti biex itajruh li lanqas biss ittendew li fi ftit żmien kellhom jiffaċċjaw żewġ elezzjonijet oħra – dik tal-Parlament Ewropew u dik tal-Kunsilli Lokali – wara t-telfa tal-2017.  

Fil-fatt litteralment ma kienux ippreparati għal dawn iż-żewġ elezzjonijiet.  Kien biss fl-aħħar li naqqsu l-ġlied bejniethom fil-pubbliku biex ma jidhrux maqsumin.  Din it-tattika ma ħadmitx għax kulħadd, wisq aktar huma, kienu jafu li hemm qasma kbira fil-PN.

Fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew reġa’ sar żball ieħor minn Delia.  Mhux talli ma ppreparax lill-kandidati tiegħu biex joħorġu b’politika ġdida, talli anki ssapportja l-kandidati li kienu ħarġu pubblikament kontrih.  Li kieku l-partit u anki l-kandidati li jappoġġjaw lil Delia ħarġu b’politika ġdida u Delia mexxa bil-kbir il-kandidati tiegħu, minkejja li kien diffiċli li jtejjeb is-sitwazzjoni elettorali għallanqas kien ikun ħeles minn dawk il-kandidati li ħadmu u komplew ħadmu biex itajruh.  

Dan kien ikun l-ewwel pass ‘il quddiem.  B’dan il-pass kien jagħti messaġġ lill-poplu li hu għandu politika aktar viċin in-nies u jagħti messaġġ lil dawk li ħadmu kontrih li posthom mhux ċert.  Ara Johnson tal-Partit Konservattiv Ingliż, fl-aħħar tas-sena l-oħra kellu l-istess problemi li għandu Delia bil-grupp Parlamentari tiegħu.  Biss Johnson ma qgħadtx idu fuq żaqqu jistenna li l-problemi jsolvu ruħhom waħedhom.  Ħa azzjoni.  L-ewwel fassal politika ġdida għal Brexit u meta ra li ma kellux l-appoġġ tad-deputati parlamentari tiegħu kollha, mar għall-elezzjoni.  Wieħed jista’ jgħid li l-politika tiegħu ta’ Brexit ma kinitx suċċess biss iżda identifikatu mal-votanti.  Barra dan id-diterminazzjoni tiegħu biex joħroġ lir-Renju Unit mill-kriżi u l-istaġnar li ġabu l-Membri Parlamentari, wassal lill-votanti biex bi ħġarhom jivvutaw għalih.  Dan urieh mill-maġġoranza li ġab u kif il-Parlament, b’Membri Parlamentari konservattivi ġodda, mal-ewwel ivvota biex jimxu għal Brexit mingħajr problemi u b’maġġoranza kbira.

Biss peress li ma għamel xejn, Delia mhux talli kompla jaqla’ t-tfixkil, iżda minħabba l-manuvri li saru spiċċa waħdu għaliex l-alleati tiegħu fl-istruttura tal-PN, kellhom jirreżenjaw minħabba l-pressjoni li kellhom fuqhom.  Mhux talli hekk talli llum reġgħu daħlu l-antiki, nies antiki tal-PN biex ifasslu dak li għandu jsir.  

Hawn il-ġlied ħrax tant li anki ppruvaw jinqdew bil-President biex, dak li ma rnexxilhomx jagħmlu huma, itajru lil Delia, jagħmlu l-President.  Biss il-President mexa b’mod korrett u besqilhom mis-sunnara. 

Minħabba dawn il-manuvri u minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa ta’ Delia, il-PN spiċċa, mhux talli bi grupp ta’ Membri Parlamentari li ħafna minnhom kienu fil-gvern ta’ Gonzi li kien responsabbli għall-ewwel telfa mit-telfiet il-kbar, iżda b’partit immexxi mill-anzjani minflok miż-żgħażagħ.  

Sitwazzjoni li biex dan il-partit jerġa’ jkun alternattiva, it-tama tal-PN hi li l-Partit Laburista jagħmel tgħaffiġa kbira. 

Tul Frar kien hemm żewġ affarijiet oħra li laqtuli għajnejja.  L-ewwel hi li l-mara tal-Prim Ministru u mexxej tal-PL irreżenjat minn segretarja tal-Eżekuttiv tal-PL.  Għalija dan kien pass pożittiv għaliex il-PL reġa’ wera li ma jridx isir bħall-PN, partit dominat minn familji.  

L-għedewwa ta’ Malta xorta baqgħu għaddejjin bl-attivitajiet tagħhom.  Tul Frar reġa’ kellna delegazzjoni oħra li ġiet biex tiċċekjana.  Bħas-soltu, l-aktar ħaġa li tolqtok f’dawn id-delegazzjonijiet hi l-arroganza li għandhom.  Arroganza ta’ kolonjalisti li kienu u għadhom.  Din l-arroganza toħroġ minn kif jaġixxu u mill-kummenti li jagħmlu.  Litteralment ġabuna kolonja tagħhom.  

Artiklu preċedenti
Artiklu li jmiss
Ekonomija

Sport