Thursday, April 18, 2024

Festa ta’ Films għat-tfal

Aqra wkoll

Nhar is-Sibt li ġej, 14 ta’ Marzu, il-familja kollha u partikolarment it-tfal għandhom festa ta’ films x’jaraw.  Bħal ma jagħmlu kull sena, id-distributuri lokali tal-films KRS Releasing, jorganiżżaw ċ-Children Cinema Day kemm f’Marzu kif ukoll f’Settembru.

Matul il-jum, ser ikunu qed jintwerew erebatax-il film li ħarġu għall-wiri matul dawn l-aħħar ġimgħat.  Id-dħul ikun orħos mis-soltu.  

Ma jonqsux il-films animati.  Ser ikunu qed jintwerew: “Abominable” (U), “A Shaun the Sheep: Farmageddon” (U), “StarDog and TurboCat” (U), “Spies in Disguise” (U), “Paw Patrol: Ready, Race, Rescue!” (U), “Frozen II” (U), “The Lion King” (U) u l-film animat li jibda jintwera fil-jiem li ġejjin, “Onward” (U).

Apparati dawn l-aħħar tlieta, il-films li ġejjin mingħand il-kumpanija tad-Disney jiddominaw iċ-Children Cinema Day għax ser ikunu hemm ukoll għall-wiri: “Aladdin” (U) li jinkludi lil Will Smith  bħala Genie kif ukoll “Maleficent: Mistress of Evil” (PG) b’Angelina Jolie.

Fost id-diversi films oħra mimlija avventura ser ikun hemm ukoll: “Jumanji: The Next Level” (12A) b’Dwayne Johnson, “Dolittle” (U) b’Robert Downey Jr., “The Call of the Wild” (PG) b’Harrison Ford, kif ukoll “Sonic the Hedgehog” (U) li kellu l-aħjar opening weekend mill-films kollha ispirati video game. 

Il-booking hu miftuħ.  Iċ-Children Cinema Day tkun organiżżata fit-teatri kollha ta’ Malta u Għawdex.

The Invisible Man

Atturi:Elisabeth Moss; Oliver Jackson-Cohen; Aldis Hodge

Direttur:Leigh Whannell

Wieħed mill-aktar kotba magħrufa ta’ H.G. Wells hu ‘The Invisible Man’ li kien ippubblikat fl-1897.  Inħadmu bosta films ispirati minn dan il-ktieb.  Fl-1933 kellna wieħed li baqa’ famuż u fih Claude Rains kien il-protagonist.

Il-verżjoni moderna hi maħduma mill-Awstraljan Leigh Whannell.  Il-film hu inġenjuż, divertenti u għandu mumenti emozzjonali.  Bil-mod kif inhu żviluppat ifakkrek fil-films antiki meta film tal-biża’ ma kienx jiddiżappuntak.

Cecilia Kass (Elisabeth Moss) tkun perita li tkun għadha kif temmet relazzjoni fejn tkun vittma ta’ abbuż.  Madankollu, Cecilia xorta tibqa’ tiġi ppersegwitata minn dak li jidher li hu l-ex maħbub tagħha, Adrian (Oliver Jackson-Cohen).  Dan ikun sab mezz kif b’sistema diġitali avvanzata, huwa seta’ jagħmel lilu nnifsu inviżibbli.  Huwa jibda jinvadiha kullimkien u dan kollu jibda jġennen lil Cecilia.  Uffiċċjalmnet, Adrian hu mejjet (wettaq suwiċidju), imma ħallilha ‘trust’ ta’ $5miljun li teħodhom $100,000 fix-xahar.

F’“The Invisible Man” (Universal Pictures – KRS: 15) Elisabeth Moss tati wirja stupenda bħala mara iddisprata, aġitata u rrabjata.  Imma x’jiswew il-flus jekk ma tistax tgħix ħajja ġdida u ħielsa?

Military Wives

Atturi:Kristin Scott Thomas; Sharon Horgan; Jason Flemyng

Direttur:Petter Cattaneo

Il-direttur Ingliż Petter Cattaneo li 23 sena ilu ħoloq sensazzjoni bil-film “The Full Monty” jidderieġi din id-drama komika fejn jiffoka fuq grupp ta nisa li żwieġhom huma suldati mibgħuta l-Afganistan.

Sabiex ma joqgħodux jhewdnu bi ħsibijiet ħżiena ta’ x’seta’ ġara lill-maħbubin tagħhom, huma jifformaw kor taħt it-tmexxija ta’ Lisa (Sharon Horgan) u ta’ Kate (Kristin Scott Thomas). Ftit battibekki ikun hemm fuq jekk ikantawx kanzunetti popolari jew innijiet.

Din l-inizjattiva tirnexxi u bħal fil-każ ta’ “The Full Monty”, anke “Military Wives” jibni lejn final divertenti.

Id-direttur jirnexxilu joħroġ ukoll kif jirreaġixxu n-nisa f’dawk is-sitt xhur li żwieġhom ikunu ’l bogħod minnhom.  Lisa tiġbor dak kollu ta’ żewġha f’kaxxi, qiesu mgħadux jeżisti.  Kate ġġib ruħha li l-ħajja kompliet għaddejja b’mod normalli.  Ikun hemm nisa li joħolqu kalendarju għall-uliedhom li juru kemm baqa’ ġranet sakemm is-suldati jkunu mistennija li jerġgħu lura.  Tispikka wkoll il-ħarsa f’għajnejhom u t-tensjoni fuq wiċċhom meta jirċievu xi ittra jew iddoqq il-qanpiena tad-dar.

Wieħed jirrikonoxxi li l-film “Military Wives” (Lionsgate–KRS: 12A) jirrispetta s-sagrifiċċji li kellhom jagħmlu dawn in-nisa minħabba gwerra li ħadd ma jipprova jiġġustifika.

Artiklu preċedenti
Artiklu li jmiss
Ekonomija

Sport