Thursday, December 8, 2022

Ħarsien

Aqra wkoll

Fi żmien ta’ imxija li qed tinfirex bil-ħeffa, hi ħaġa naturali li jqumu mistoqsijiet dwar jekk is-sistemi ta’ ħarsien humiex qawwija biżżejjed. Wieħed irid joqgħod attent li ma jħallix mistoqsijiet hekk isiru bl-addoċċ… fis-sens li jwasslu għal sens ta’ paniku.

Għamel tajjeb il-Prim Ministru Abela li baqa’ jirrakkomanda li kulħadd jibqa’ prudenti u attent fir-rigward tat-theddida tal-corona virus. Iċċara kif il-miżuri li qed jittieħdu huma raġonevoli u “proporzjonati”. Dejjem tista’ tikkritika dak li jkun qed isir, dejjem tista’ tgħid li jista’ jsir aktar… 

  Jien wieħed minn dawk li jemmnu li l-affarijiet qed isiru sew.

Il-problema hi li probabilment, il-ġrajja tal-virus corona għad issir aktar iebsa qabel titwitta. Il-ħarsien qed jinbena fuq bażi soda u serja. Għalhekk naħseb li għandna nkunu fiduċjużi li anke meta tersaq fażi aktar akuta, inkunu nistgħu nilqgħulha tajjeb.

Tibqa’ importanti politika qawwija u ċara ta’ informazzjoni lil kulħadd.

MINFLOK STRASBURGU

Il-laqgħa dil-ġimgħa tal-plenarja tal-Parlament Ewropew kellha ssir fi Brussell minflok Strasburgu. Dan serraħ ras ħafna, peress li kien qed jintqal kif fi Franza ċ-ċansijiet ta’ infezzjoni kienu qed jiżdiedu. 

  Madankollu, l-problema baqgħet li mas-700 deputat kienu ġejjin mill-Ewropa kollha biex jirtassu fil-plenarja. Magħhom setgħet tidħol xi dabra ta’ infezzjoni. Fi Brussel, fi Strasburgu, xorta setgħet tgħaddi lil ħaddieħor ħalli tkompli tinfirex mal-kontinent.  

U d-deċiżjoni reġgħet inbidlet, ftit qabel bdiet il-plenarja – din saret laqgħa ta’ ġurnata, bla voti.

Min imexxi l-Parlament Ewropew ftit ta xhieda ta’ għaqal u ħsieb.

DEWMIEN FIL-QRATI

Kritika li tinstema’ anke barra l-pajjiż dwar l-amministrazzjoni tal-liġijiet f’Malta, tisħaq fuq id-dewmien li jinqala’ fil-qrati biex jingħataw is-sentenzi. Meta tiftaħ kawża biex tikseb dak li tqis li ħaqqek, tkun qisek tfajt il-problema ġo bir tas-skieken. U tassew, issib li hemm anke ħafna każi fejn nies ingħataw ġustizzja wara li kienu mietu.

Ma naħsibx li kull darba li kawża titwal, dan jiġri bla ebda raġuni serja. Pereżempju dan l-aħħar, imħallef iddeċieda x-xahar li għadda li se jagħti ħaqq dwar kawża fejn kienu nstemgħu x-xhieda kollha, f’Settembru li ġej. Stagħġibt li d-deċiżjoni se tittawwal daqshekk.

Biss, l-imħallef konċernat hu magħruf għall-effiċjenza li biha jmexxi l-proċessi ta’ quddiemu. Bilfors li kien hemm raġunijiet serji għal dat-tul.

Forsi jagħmel sens li kull meta jinqalgħu każi hekk, il-qorti tagħti r-raġunijiet għaliex qed taġġorna għal data u mhux oħra aktar fil-qrib. Talanqas ikun hemm aktar trasparenża. Id-dewmien fl-operat tal-ġustizzja għandu mnejn jinħass bħala aċċettabbli aktar.  

Ekonomija
Delicious

Sport