San Ġwann FC ħabbru bidliet importanti fl-istruttura teknika tagħhom hekk kif ikkonfermaw il-ħatra ta’ Noel Turner bħala kowċ tal-ewwel tim, filwaqt li Kevin Borg Degiorgio ġie maħtur Direttur Tekniku u Head of Recruitment tal-klabb.
Il-ħatra ta’ Turner hija meqjusa bħala pass sinifikanti għall-klabb hekk kif San Ġwann qed ifittxu li jkomplu jibnu fuq il-pedamenti stabbiliti fl-aħħar staġuni. Magħruf għall-impenn tiegħu, id-dixxiplina tattika u l-ħila li jaħdem mal-plejers, Turner se jkun responsabbli mit-tmexxija tat-tim fuq il-grawnd u mill-iżvilupp tal-identità kompetittiva tal-klabb.
Fl-istess waqt, San Ġwann FC poġġew fiduċja kbira f’Kevin Borg Degiorgio billi fdawlu rwol doppju ta’ importanza strateġika. Bħala Direttur Tekniku, Borg Degiorgio se jkun qed jissorvelja l-filosofija futbolistika tal-klabb u l-iżvilupp fit-tul tal-istruttura teknika, filwaqt li bħala Head of Recruitment se jmexxi l-proċess ta’ identifikazzjoni u akkwist ta’ plejers li jaqblu mal-viżjoni tal-klabb.


