Sunday, June 7, 2026

Joseph Portelli jixtri klabb Taljan li jilgħab fil-Kampjonat tal-Eccellenza għal €2 miljun

Aqra wkoll

Il-President ta’ Ħamrun Spartans FC, Joseph Portelli, ħabbar li xtara klabb Taljan li jilgħab fil-Kampjonat tal-Eccellenza għal €2 miljun. 

Huwa qal dan il-Ġimgħa filgħaxija waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-iSpartans. 

Għalkemm ma żvelax l-isem tal-klabb, huwa qal li l-klabb għandu tradizzjoni qawwija, segwit min numru kbir ta’ partitarji u li sa ftit snin ilu kien għadu jilgħab fis-Serie A.

Portelli spjega li dan l-investiment se jgħin lill-Ħamrun Spartans jikbru aktar billi joħloq opportunitajiet għal plejers Maltin biex jilagħbu fl-Italja u billi jattira plejers barranin ta’ livell ogħla. Huwa għandu l-għan li jgħin lill-klabb Taljan jitla’ fil-kategoriji tal-futbol Taljan sakemm jilħaq is-Serie C.

Dwar l-istaġun li ġej tal-Ħamrun Spartans, Portelli kkonferma li l-kowċ Giacomo Modica se jibqa’ jmexxi lit-tim tal-anqas fil-bidu tal-istaġun il-ġdid. Huwa faħħar ix-xogħol tiegħu fil-preparazzjoni fiżika tat-tim, li kienet kruċjali biex il-klabb kiseb il-kwalifikazzjoni storika għall-fażi tal-gruppi tal-UEFA Conference League.

Portelli żvela wkoll li l-gowlkeeper Henry Bonello u l-winger Joseph Mbong se jħallu lill-klabb wara li għarrfuh li ma ridux ikomplu jaħdmu taħt Modica. Għalhekk, il-kuntratti tagħhom ma ġewx imġedda.

Il-President wiegħed investiment qawwi fit-tim matul is-sajf, b’baġit ta’ trasferimenti li se jiżdied għal €3.25 miljun. Huwa qal li fil-ġimgħat li ġejjin se jitħabbru diversi akkwisti ġodda, fosthom żewġ wingers. Portelli esprima fiduċja li l-plejers il-ġodda se jgħollu l-livell tat-tim u jgħinu lill-Ħamrun Spartans jerġgħu jiksbu suċċess fil-kompetizzjonijiet Ewropej.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport